Lokali

BIL-FILMAT: Mickey… il-ġeru li nstab miksi bil-qatran

Dan huwa Mickey… il-ġeru ta’ 8 ġimgħat li twassal minn raġel għand l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, wara li nstab miksi bil-qatran

Dakinhar, il-ġeru tnaddaf mill-qatran bil-konsewgenza li tilef ħafna mill-pil tiegħu u spiċċa jbati minn uġiegħ fil-ġilda. Iżda minn naħa l-oħra… lill-Mickey salvawlu għajn li kienet mgħottija kollha bil-qatran.

Mickey se jinżamm għal aktar kura u osservazzjoni għand il-veterinarju għall-jiem li ġejjin sabiex jaċċertaw li jħossu aħjar. Fejn imbagħad fl-aħħar tal-ġimgħa Mickey se jibda ħajja ġdida għand il-familja li se tilqgħu ġewwa darha.

Jidher li kien hemm ħafna talbiet ta’ nies li xtaqu jaddottaw lil Mickey u għalhekk l-AAA xtaqet tirringrazzja lil dawk kollha li għamlu dan u li dejjem jgħinu lil din l-assoċjazzjoni sabiex tibqa’ għaddejja.

NET NEWS żar l-AAA fejn stajna ninnutaw diversi klieb li jinsabu mbeżża anke forsi minħabba li jkunu għaddew minn xi tip ta’ abbuż.

Rosalind Agius, attivista favur l-annimali u s-Sanctuary Manager ta’ din l-Assoċjazzjoni saħqet li bħalissa fl-AAA wieħed jista’ jsib mat-80 kelb…li sfortunatament kollha ġew abbandunati.

L-AAA tieħu ħsieb li l-klieb kollha jiġu mlaqqmin, mgħotija ikel u xorb tajjeb u jkunu invistati minn vet ta’ spiss.