Internazzjonali

Brexit: Ikomplu t-twissijiet dwar l-abbozz kontroversjali tal-‘Internal Market’

L-abbozz tal-liġi propost li għandu jippermetti biex il-Gvern tal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson iwarrab elementi tal-ftehim ta’ Brexit mal-Unjoni Ewropea għadda mill-ewwel vot li ttieħed fil-House of Commons ( Parlament) ta’ Londra matul il-lejl tat-Tnejn.

Il-vot favur l-Internal Market Bill kien wieħed konvinċenti – bi 340 kontra 263 —  u bil-kritiċi, fosthom numru ta’ deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, iwissu li l-abbozz jista’ jissarraf f’konsegwenzi negattivi għar-Renju Unit minħabba ksur tal-kriterji ta’ liġi internazzjonali.

Il-Ministri fil-Kabinett ta’ Johnson, intant, qed jgħidu li l-abbozz jinkludi ‘salvagwardji’ li jipproteġu lill-Irlanda ta’ Fuq u l-kumplament tar-Renju Unit f’każ li ma jwasslu mkien in-negozjati dwar ftehim kummerċjali mal-UE, fil-futur.

Sadanittant, żewġ deputati Konservattivi vvutaw kontra l-abbozz – bi 30 oħra jastjenu. Mhux eskluż, intant, li d-deputati li astjenew setgħu ma kenux ikkundizzjonati minn xi raġunijiet politiċi.

Filwaqt li l-Gvern ta’ Johnson għandu maġġoranza ta’ 80 fil-House of Commons, jinsab xorta waħda lest għal aktar ‘movimenti u protesti ( fl-assemblea)’ fil-ġimgħat li ġejjin. Dan waqt li l-leġislazzjoni tal-Internal Market Bill se tkompli tkun suġġetta għall-iskrutinju dettaljat.

Is-Segretarju għall-Intern tar-Renju Unit, Pritti Patel, insistiet, wara l-vot, li l-abbozz għandu jaċċerta ‘mill-mekkaniżmi ta’ politika li jkunu fl-aħjar interessi tal-poplu fl-Irlanda ta’ Fuq’.

Madankollu, l-eks Kap tal-Partit Konservattiv, Lord Hague – permezz ta’ artiklu fid-Daily Telegraph – wissa kontra l-effetti tal-abbuż tal-liġi internazzjonali u qal li ‘ħaġa bħal din għandha tikkostitwixxi żball kardinali fil-qasam tal-politika barranija’. Lord Hague kompla li dan l-iżball għandu jħalli effett ħażin u dejjiemi fuq ir-reputazzjoni tar-Renju Unit minbarra li jnaqqas mill-kapaċità ta’ pajjiżu biex jeżerċita l-influwenza fis-settur internazzjonali.

L-abbozz hu intiż biex il-moviment ta’ prodotti u servizzi jkomplu mingħajr xkiel madwar l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq ladarba r-Renju Unit joħroġ mis-suq komuni tal-UE fl-1 ta’ Jannar.

Iżda bla dubju, l-abbozz jinkludi element kontroversjali li jagħti poter lill-Gvern ta’ Boris Johnson biex jibdel aspetti tal-ftehim ( il-withdrawal agreement) mal-Unjoni Ewropea. Il-ftehim – li jamministra l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni — jorbot legalment lill-partijiet kollha interessati.

Fl-istess ħin, il-Ministri Britanniċi qed ikomplu jinsistu li l-abbozz hu meħtieġ f’każ li l-UE tinterpreta l-ftehim – b’mod partikulari l-Protokoll għall-Irlanda ta’ Fuq li hu intiż biex jevita fruntiera ‘konkreta’ fil-gżira tal-Irlanda – ‘b’mod estrem u mingħajr sens ta’ raġuni’.

Meta tkellem fil-House of Commons waqt dibattitu ta’ ħames sigħat, il-Prim Ministru Johnson spjega li l-atteġġjament attwali tal-UE kapaċi jwassal għal burokrazija eċċessiva u anki tariffi fuq il-prodotti li jkunu trasferiti mir-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq.

Hu kompla li l-abbozz għandu jaċċerta ‘l-integrità politika u ekonomika’ tar-Renju Unit filwaqt li akkuża lill-UE b’li qed twettaq pressjoni inġusta ‘bil-ħsieb li tikseb vantaġġ fit-taħditiet kummerċjali ma’ Londra’.