Lokali

Gvern li ma jridx jisma’ l-istakeholders dwar il-liġi tal-ugwaljanza

Bħala rappreżentanti tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Abbozzi li qed jiddiskuti l-liġi tal-ugwaljanza (Abbozz 96), aħna komplejna niltaqgħu (fiżikament u virtwalment) u nikkorrispondu mal-istakeholders ewlenin kif inhu d-dmir tagħna.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Karl Gouder u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo.

Fl-istqarrija huma qali li dan qegħdin jagħmluh bil-għan li jifhmu verament kif liġi bħal din tista’ taffettwa lil kull membru tas-soċjeta’. “Huwa d-dmir tagħna bħala deputati li nirrappreżentaw lill-poplu li nsibu l-bilanċ mixtieq sabiex dawk li jistgħu jkunu vittmi ta’ diskriminazzjoni jkunu protetti. Dan irid isir ukoll b’rispett sħiħ għal dawk li jridu jħaddmu l-istess liġi bla xkiel għall-ħidma, twemmin u liberta’ tagħhom ukoll.”

F’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jifhmu li filwaqt li l-Gvern iltaqa’ ma’ diversi stakeholders, s’issa mhux qed jisma’ x’qed jgħidulu u qed jinjora t-talbiet tagħhom. Prova ta’ dan huwa l-fatt li sal-lum għadu ma’ ċċirkulax l-aħħar emendi għall-istess abbozz u dan b’detriment għad-djalogu vera li ma’ jistgħax jħalli l-frott mixtieq biex ikollna liġi b’saħħitha u ġusta.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija kommessa li f’pajjiżna ssaltan l-ugwaljanza vera għal kulħadd.