Għawdex Lokali

Il-Gvern qed jibqa’ jmur lura mill-wegħda tal-‘fast ferry’

L-aħħar tentattiv tal-gvern li jagħti konċessjoni esklussiva għal servizzi bil-baħar bejn Malta u Għawdex wassal għal ġlied legali bejn Virtu Ferries u Marsamxetto Steamferry Services Ltd, parti li hija interessata fil-ftehim ta’ 15-il sena. Dan ħareġ minn artiklu li deher fis-sit ta’ The Shift News.

L-artiklu jgħid li kemm il-gvern, permezz ta’ Transport Malta, kif ukoll Marsamxetto Steamferry Services Ltd, li hija ffurmata minn Captain Morgan u Bianchi Group of Companies, wieġbu għall-oġġezzjonijiet imqajma minn Virtu Ferries, fejn insistew li huma “bla bażi ”u għandhom jiġu miċħuda .

Il-ġimgħa li għaddiet, The Shift żvela li Virtu Ferries kienu ressqu ilment mal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) fejn talbu li s-sejħa ta’ Transport Malta tiġi kkanċellata, minħabba “illegalitajiet serji” filwaqt li injorat il-liġi tal-UE.

Virtu Ferries sostniet li “d-dokument tat-Talba għal Proposti (RfP) tant huwa ħażin u tant għandu illegalitajiet serji li kwalunkwe Bord raġonevoli għandu jordna l-kanċellazzjoni diretta ta’ dan l-RfP.”

Ġie nnutat ukoll li dan kien it-tielet tentattiv minn Transport Malta biex tintroduċi servizzi ta’ dan it-tip fejn jidher li issa l-Gvern qed imur lura mill-wegħda li jintroduċi servizz ta’ fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer, kif kien qal li se jagħmel qabel l-elezzjoni tal-2013 u tal-2017.