Lokali

Il-homeless fit-toroq tagħna żdiedu wara li l-Gvern Laburista nesa lil dawk bla saqaf fuq rashom – PN

Minn wegħda tal-Labour tal-2013 li l-faqar se jiġi eradikat għall-ġurnata tal-lum ħadd ma jista’ jinnega li l-affarijiet marru għall-agħar. Id-differenza bejn is-sinjur u l-fqir qegħda dejjem tkompli tikber, il-homeless fit-toroq tagħna żdiedu, l-għajnuniet u l-foodbanks komplew jingħataw min-nies fil-komunita` li m’humiex ilaħħqu mad-domanda.

Fi stqarrija maħruġu minn David Agius Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal u Ivan Bartolo Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali, il-PN qal li bi 83,000 persuna, dawk fir-riskju tal-faqar żdiedu tant li wasal għal 25% ta’ dawk li għandhom iżjed minn 65 sena u 50% tal-familji b’ġenituri li qegħdin f’dan ir-riskju.

Hekk kif il-Partit Nazzjonalista għadu kif ikkritika lill-Gvern Laburista għall-fatt li m’estendiex miżuri ta’ għajnuna fuq kera lil familji, l-PN jerġa’ jistaqsi lil Gvern Laburista x’inhu l-pjan għal dawk in-nies li qegħdin jew se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Meta se jinbnew shelters għal dawn il-familji, dawn il-pensjonanti, dawn il-ħaddiema?

Il-mewt tar-raġel li nstab f’karozza f’Birkirkara uriet bl-iktar mod ċar li min hu fil-bżonn ta’ saqaf, tal-ikel u tal-bżonnijiet bażiċi oħrajn mhux qed isib l-għajnuna mistħoqqa mill-Gvern Laburista. Juri kemm il-Gvern li għandu l-obbligu jkun ta’ servizz għal kulħadd, qed ifalli lill-ħaddiem li jrid jipprovdi għalih u għal familtu, lil dik l-omm li trid tlaħħaq mal-ħajja waħedha, lit-tfal li għandhom kull dritt għal ħajja serena, lil dawk il-pensjonanti li l-pensjoni ta’ kull xahar mhix sservihom u jridu jagħżlu minn xix se jkollhom joqogħdu nieqsa. Juri kemm dawn l-aħħar seba’ snin il-Gvern Laburista, flok lesta proġetti ta’ housing soċjali, flok bena u pprovda shelters u ħareġ b’miżuri soċjali li jilħqu lil kulhħadd, ħela ż-żmien prezzjuż li wassal għal iktar nies mwaħħlin fiċ-ċiklu tal-faqar.

Il-Partit Nazzjonalista lest jkompli jaħdem sabiex min hu fil-bżonn ma jibqax waħdu mingħajr għajnuna. Il-PN dejjem wera li b’differenza tal-Gvern Laburista m’hemmx bżonn PR, reklamar u kameras biex jaħdem u m’hemmx bżonn li tasal l-elezzjoni biex jaħseb fil-ħtiġijiet ta’ kull bniedem.