Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur lill-Fondazzjoni Familji fil-Bżonn

Li persuna tagħti l-għajnuna tagħha lill-komunita mingħajr ma tistenna xejn lura huwa ġest verament sabiħ.. Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta it-Tlieta żar il-Fondazzjoni Familji fil-Bżonn f’Raħal Ġdid

Ivan Bartolo f’isem il-Fondazzjoni Familji fil-bżonn stqarr li fi żmien il-Covid-19 .. kienu diversi anzjani li bdew jagħmlu użu minn dan is-servizz minħabba li ma bdewx joħorġu minn djarhom.. speċjalment dawk li m’għandhomx min iżurhom u jieħu ħsiebhom.

Huwa stqarr li bejn wieħed u ieħor hemm 11-il voluntier li qed jagħtu l-għajnuna tagħhom.

Fil-bidu li twaqqfet din il-fondazzjoni, il-voluntiera kienu jħejju l-ikel fid-djar tagħhom u jqassmuh fid-djar tan-nies iżda maż-żmien il-fondazzjoni espandiet tant li fix-xahar qed tqassam mal-1,000 ikla u 80 xirja. Apparti dan filgħaxijiet il-post ta’ din il-fondazzjoni jinqaleb f’wieħed fejn isiru lezzjonijiet għat-tfal li jkollhom bżonn xi assistenza. Il-fondazzjoni għandha ukoll ‘counseller’ li jgħin fi problemi soċjali kif ukoll avukat.

Dawk kollha li jixtiequ jgħinu lill-Fondazzjoni Familji fil-Bżonn jistgħu joffru xi prodotti tal-ikel kif ukoll xi anke affarijiet oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dar u tkellem mad-diversi voluntiera li jgħinu sabiex din il-fondazzjoni tibqa’ miexja ‘l quddiem u tkompli tagħmel aktar ġid ma’ dawk in-nies li verament għandhom bżonn. Huwa sema wkoll it-tħassib tan-nies li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar u għalhekk qed ikollhom jiddependu fuq is-servizz li tagħti din il-Fondazzjoni.