Internazzjonali

Il-pandemija tal-Covid-19 tefgħet lura l-iżvilupp ekonomiku tad-dinja b’aktar minn 20 sena

 

Rapport li ħarġet il-Fondazzjoni ta’ Bill u Melinda Gates qed jindika li l-pandemija tal-Covid-19 wassal biex l-iżvilupp tad-dinja taqa’ lura b’aktar minn 20 sena. L-aktar fattur allarmanti tar-rapport hu li għexieren ta’ miljuni ta’ nies spiċċaw esposti għat-theddida ta’ ‘livelli ġodda ta’ faqar, inugwaljanzi u mard’.

Skont ir-rapport, is-sitwazzjoni ta’ faqar esterna – f’termini globali – żdiedet b’seba’ fil-mija waqt il-pandemija. L-impenji għat-tilqim tan-nies, fl-istess ħin, qegħdin jonqsu għal-livelli ta’ matul is-snin disgħin filwaqt li l-problemi ( u l-impatt devastanti) tal-pandemija għall-ekonomiji qegħdin jirrinfurzaw is-sitwazzjoni tal-inugwaljanzi.

Bill Gates, il-ko-fundatur ta’ Microsoft u li qed imexxi l-fondazzjoni li ssemmiet warajh, spjega kif il-prezzijiet u d-distribuzzjoni tal-ikel kellhom iġarrbu l-impatt negattiv mill-firxa tal-infezzjonijiet bil-Covid-19….Xejra li qed issir aktar gravi f’numru ta’ pajjiżi waqt li d-dinja tipprova ssib il-miżuri aktar effettivi biex tikkumbatti l-virus.

Gates hu wkoll ‘sorpriż u inkwetat’ dwar ‘it-teoriji li qed jibbażaw fuq kumplotti fittizji u li jallegaw li hu u persuni assoċjati miegħu qegħdin jippruvaw jiggwadanjaw mill-effetti tal-pandemija’.

Il-kriżi tal-Covid-19 sadanittant ħalliet impatt negattiv qawwi għan-negozji  u l-intrapriżi – u wasslet biex ir-rata tal-qgħad fir-Renju Unit tilħaq l-ogħla livell f’sentejn.

Minn Marzu ‘il hawn, kważi 10 miljuni spiċċaw koperti mill-iskema tal-furlough tal-Gvern Britanniku – liema skema qed tħallas is-salarji tan-nies li ma jistgħux jidħlu għax-xogħol minħabba s-sitwazzjoni tal-coronavirus.