Lokali

Il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt isir jaf il-verità kollha dwar l-iskandlu tal-power station

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella biex il-Gvern jippubblika d-dokumenti kollha u biex min għandu informazzjoni jiżvelaha fl-interess tal-verità

Il-fatti xokkanti li qegħdin joħorġu ta’ kuljum dwar il-power station tal-Electrogas huma għal darb’oħra konferma ta’ kemm din il-power station hija monument tal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat u Robert Abela. Dan il-proġett skandaluż huwa frott il-kriminalità organizzata li ħakmet lil pajjiżna u li tinvolvi politiċi Laburisti.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina.

Il-fatti li qegħdin jiġu żvelati ta’ kuljum fil-Qorti u mill-ġurnalisti investigattivi juru kif il-power station tal-Electrogas kienet il-mezz biex numru ta’ persuni jistgħanew minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi, b’tixħim u b’taxxi maħfura minn politiċi Laburisti bħal Konrad Mizzi, li kienu jew għadhom fit-tmexxija ta’ pajjiżna.

Dan wassal biex il-familji Maltin u Għawdxin qegħdin jiġu mġegħla jħallsu t-taxxa tal-korruzzjoni fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Robert Abela ma jistax jibqa’ jistaħba u għandu minnufih jibda jerfa’ r-responsabbilità politika u jieħu azzjoni konkreta bla ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li Robert Abela minnufih jippubblika d-dokumenti kollha nkluż il-korrispondenza u l-kuntratti kollha fl-intier tagħhom u mingħajr ebda ċensura dwar il-bini tal-power station tal-Electrogas. Dan ikun l-ewwel pass biex il-ftehim jiġi mifli u ġġudikat mill-poplu bla xkiel.

Il-PN jappella wkoll lil kull min għandu informazzjoni dwar dan il-ftehim skandaluż biex jitkellem u jikxef il-ħażin kollu li sar. Il-PN lest jgħin b’kull mezz disponibbli biex il-persuni li jikxfu informazzjoni jingħataw il-protezzjoni kollha meħtieġa fl-interess li toħroġ il-verità.