Lokali

“Il-wegħda tiegħi”

“Is-sejħa tiegħi, li ningħaqdu niġġeddu u nirnexxu, mhux mibnija fuq kliem biss iżda hija mfassla fuq progamm ta’ ħidma kontinwa. Din hija l-wegħda tiegħi.”

Kliem l-Avukat Bernard Grech hekk kif it-Tlieta ppreżenta b’mod uffiċjali għaxar punti li fuqhom se jsawwar il-ħidma tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista jekk jingħata l-fiduċja mit-tesserati.

Bernard Grech jinsab konvint li l-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jsir Partit rebbieħ fejn ikun moviment u progressiv li jġib is-saħħa tiegħu mid-diversità u l-inklussività għall-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Bernard Grech qal li huwa biss permezz tal-għaqda li l-Parit Nazzjonalista jerġa’ jikseb ir-rispett u l-fiduċja tal-popl. Jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista iwiegħed li se jimpenja ruħu li jaħdem bla waqfien biex jgħaqqad lill-Partit. L-għaqda fi kwalunkwe organizzazzjoni tinbena fuq il-fatt li kulħadd iħoss li għandu sehem x’jagħti u li jkun apprezzat.

Huwa qal li se jikkometti ruħu li jkun Kap li jidjaloga, li jisma’ u li jiddeċiedi. Għalhekk kull Deputat u uffiċjal tal-Partit se jingħata spazju sabiex jaħdem u fl-istess ħin ikunu inklużi nies ġodda partikolarmanet nisa.  

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun mużajk ta’ ideali u ħsibijiet… fejn min dawn l-ilwien u l-opinjonijiet differenti toħroġ qawsalla sabiħa li tmexxina ‘l quddiem bħala Partit u pajjiż. Il-Partit ikun kredibbli meta jifhem x’inhuma l-weġgħat tan-nies kif ukoll il-valuri li jsawruhom. Għalhekk huwa importanti li l-PN ikun partit kredibbli u fdat li jitwemmen għax jisma’, jiddiskuti u jagħraf x’inhuma l-problemi tan-nies.

Partit fejn niddeċiedu flimkien… fejn l-Avukat Bernard Grech wiegħed li se jara li l-istatut tal-Partit u l-istrutturi kollha jaħdmu regolari.

Importanza partikolari se tingħata liż-żgħażagħ fejn se tkun assigurata ħidma kontinwa sabiex aktar żgħażagħ jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista fl-istrutturi kollha tiegħu inkluż bħala Kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali. L-AŻAD se tkun l-iskola tal-ħsieb u tal-formazzjoni f’dan kollu.  

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun organizzat u lest biex jaffaċċja kull sfida elettorali bi strutturi effiċjenti, b’enfażi partikolari fuq il-Kumitati Sezzjonali.

Biex ikompli l-ħidma tiegħu l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jsaħħaħ l-media tiegħu.. dawn huma għodda importanti sabiex il-messaġġ tal-Partit jasal għand fierxa wiesgħa ta’ nies.