Internazzjonali

In-nirien fl-Istati Uniti: Trump ikompli jiċħad għall-bidliet fil-klima ‘bħala fattur’

Il-President Amerikan, Donald Trump, warrab għat-tħassib dwar l-impatt tal-bidliet fil-klima għad-dinja u,  waqt żjara f’Kalifornja, qal li ‘wieħed jistenna li l-arja se tiffriska dalwaqt’.

Il-kumment ta’ Trump qed jitqies bħala kontroversjali meta nirien qalb foresta li qabdu ġimgħat ilu fl-Istati ta’ Kalifornja, Oregon u Washington ħallew qerda kbira u għexieren ta’ vittmi. Intant, il-President Trump, li qed jiċħad dwar il-bidliet fil-klima, insista li s-sitwazzjoni tan-nirien hi dovuta ‘għall-immaniġġjar ħażin tal-foresti’.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku li f’Novembru se jikkuntesta kontra Trump għall-Presidenza tal-pajjiż, akkuża lill-Mexxej Amerikan bħala ‘għadu tal-klima’. Meta tkellem waqt avveniment f’Delaware, Biden sostna li jekk il-poplu jafda lil Trump b’aktar snin ta’ tmexxija huma ‘għandhom jaraw aktar nirien jaħkmu f’zoni oħrajn tal-Istati Uniti.

Donald Trump, waqt żjara fil-West Coast, iltaqa’ ma’ uffiċjali involuti fil-battalji kontra l-wildfires (nirien) fl-inħawi ta’ Sacramento. Hu, intant, ċaħad it-talba ta’ uffiċjal ‘biex ma jinjorax ix-xjenza fir-rigward tal-bidliet tal-klima’ u sostna li wieħed ‘għandu jistenna li s-sħana tonqos’.

Fl-istess ħin, il-President – li fil-passat ikkritika lill-awtoritajiet inkarigati mill-ħarsien tal-foresti f’Kalifornja — ma aċċettax li l-bidilet fil-klima jistgħu huma fattur fin-nirien feroċi li ħakmu f’dan l-Istat u fl-artijiet ta’ Oregon u Washington.