Lokali Mużika

Konkors Kanzunetta Indipendenza 2020

Fi tmiem din il-ġimgħa se jittella’ l-Konkors Kanzunetta Indipendenza… festival li huwa sinonimu mal-festi tal-indipendenza fejn dejjem żamm l-appuntament tiegħu f’dawn l-aħħar snin.

Tkellimna ma’ Robert Cutajar li qed imexxi l-Kumitat Organizzattiv ta’ dan il-konkors. Minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-Kumitat sewga l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni hekk kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

Xi ħaġa differenti mis-snin preċedenti huwa li din is-sena, l-40 parteċipant se jkollu kartolina abbinata miegħu bit-tema komuni għal kull kartolina se tkun l-isport. Din hija parti minn kampanja nazzjonali li ġiet imnedija fl-aħħar ġimgħat mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport bil-parteċipazzjoni diretta wkoll ta’ atleti prominenti Maltin.

Iż-żewġ tiraturi William Chetcuti u Gianluca Chetcuti

Fis-serati finali se jkun hemm diversi sorpriżi b’laqtiet mużikali u sportivi, kif ukoll se jkunu mistiedna r-rebbieha tas-sena li għaddiet Nathaniel Attard u Rachel Lowell.

Kull festival se jkollu seba’ membri tal-ġurija li se jkunu qed jiġġudikaw l-kanzunetti. Dan filwaqt li l-pubbliku permezz tat-televoting se jkollu sehem ukoll f’wieħed mill-premijiet li se jingħataw.

Is-serati tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior u tal-Konkors Kanzunetta tal-kbar se jixxandru live fuq NET TV nhar il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru fid-20.45.