Lokali Qorti

L-immigrant Malini li ttajjar bil-karozza kien operat fi spalltu

Ikompli l-każ tas-suldati dwar il-qtil ta' Cisse

May Malini li kien ittajjar bil-karozza f’Ħal Far ftit il-bogħod miċ-Ċentru Miftuħ fejn kien qed jgħix kien ġie operat fi spalltu x-xellugija u għamel perjodu qasir rikoverat l-isptar Mater Dei.

Dan kien żvelat meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ żewġ suldati mixlijin bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane fi-6 ta’ April tas-sena l-oħra u l-attentat ta’ qtil ta’ Ibrahim Bah mill-Guinea u ta’ Mohammed Jallow mill-Gambja, kif ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Malini fl-1 ta’ Frar tal-2019.

Il-konsulent ortopediku Ryan Giordmaina qal li Malini kien daħal l-isptar  fit-2 ta’ Frar tas-sena l-oħra fejn huwa kellu xi ksur f’ġismu u rriżulta li dan seħħ wara li ntlaqat minn karozza.

Ix-xhud qal li Malini dam taħt osservazzjoni għal 24 siegħa sakemm ġie operat minn tabib ta’ nazzjonalità barranija. Tenna li Malini kien liċenzjat fil-5 ta’ Frar, l-għada li ġie operat.

May Malini, li llum għandu 18-il sena miċ-Ċad diġa’ xehed f’dawn il-proċeduri fejn kien spjega lill-Qorti x’kien ġralu dak il-lejl. Malini ddeskriva kif kien intlaqat minn wara minn karozza li  baqgħet sejra u li hu kien dam aktar minn siegħa mal-art bi driegħ miksur, u li ma setax jimxi.

Meta kien xehed huwa qal ukoll li eventwalment irnexxielu jqum u ltaqa’ ma’ żewġ migranti oħra li ċemplu ambulanza u ħaduh lura fiċ-ċentru miftuħ ta’ Hal Far.

Malini kien qal ukoll li minkejja li kien ġie operat  baqa’ jħoss uġigħ f’dirgħajh kaġun tal-inċident.  Francesco Fenech ta’ 22  sena minn Wied il-Għajn u Lorin Scicluna ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, qegħdin jiġu akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane ta’ 42 sena,  li nqatel fi sparatura fl-istess triq li fiha Malini kien intlaqat.

Qegħdin jiġu akkużati wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Ibrahim Bah u ta’ Mohammed Jallow fejn dawn kienu ġew sparati tiri fil-konfront tagħhom fejn anke huma kienu spiċċaw feruti u ttieħdu l-isptar.

Iż-żewġ suldati qegħdin iwieġbu li mhumiex ħatja tal-qtil u attentat ta’ qtil b’mottiv ta’ mibgħeda razzjali. L-eks membri tal-Forzi Armani ta’ Malta jinsabu akkużati wkoll bil-pussess ta’ senter fil-pubbliku, li għamlu użu minn vettura bla pjanċi tar-reġistrazzjoni kif ukoll b’sewqan perikoluż.

Dan apparti akkużi ta’ qtil ta’ annimali, fosthom qtates u għasafar. Scicluna qed ikun akkużat waħdu ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti.

Mill-istħarriġ tal-pulizija irriżulta li allegatament iż-żewġ akkużati kienu fi Triq tal-Ġebel isuqu karozza Toyota Starlet mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni u sparaw it-tiri li qatlu persuna u ferew tnejn oħra.

F’Diċembru li għadda l-Qorti kienet laqgħet it-talba għal libertà proviżorja taż-żewġ akkużati taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li  jiffirmaw kuljum f’għassa tal-pulizija, iħallsu depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’  €20,000, filwaqt li jibqgħu d-dar bejn is-7.00pm u s-6.00am.

L-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Kris Busietta qed jiddefendu lil Scicluna filwaqt li l-avukati Giannella De Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Fenech. L-Avukat Joe Giglio qed jirrappreżenta lill-familjari ta’ Cisse.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-kaz qiegħed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u l-Ispettur AnzjanTrevor Micallef. Il-każ ikompli fit-22 ta’ Ottubru li ġej. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.