Lokali

Linji gwida li jinkoraġġixxu tagħlim onlajn

L-Università ta' Malta

It-Tlieta ġew ippublikati wkoll il-linji gwida għall-iskejjel post-sekondarji f’Malta u f’Għawdex.

F’dawn il-linji gwida, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jinkoraġġixxu t-tagħlim onlajn sabiex jintaqqas il-kuntatt bejn l-istudenti u l-lekċerers meta l-iskejjel u l-istituzzjonijiet jerġgħu jinfetħu.

Apparti li għandu jinżamm spazju ta’ 1.5 metri bejn l-istudenti , fil-każ ta’ studenti li jattendu skejjel post-sekondarji, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jissuġġerixxu wkoll sistema fejn l-għalliema jagħtu lezzjonijiet lil nofs il-klassi filwaqt li n-nofs l-ieħor isegwi onlajn minn klassi oħra.

L-istudenti u l-edukaturi kollha għandhom jilbsu maskri l-ħin kollu, b’distanza ta’ żewġ metri meta jkunu f’żoni komuni. L-awtoritajiet tas-saħħa jissuġġerixxu li l-kmamar li jkunu frekwentati minn ħafna nies jingħalqu u, jekk jinfetħu, għandhom jillimitaw in-numru ta’ studenti li jkunu permessi ġewwa.