Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Linji gwida li ma joffru ebda serħan il-moħħ lill-ġenituri

Wara ħafna stennija, kienu ppubblikati l-linji gwida għall-ftuħ mill-ġdid tal-Kindergartens. Linji gwida li ma joffru ebda serħan il-moħħ lil ammont kbir ta’ ġenituri li jinsabu mħassba ferm dwar is-sigurtà ta’ uliedhom.

Fost dawn il-linji gwida hemm imniżżel li kull klassi tal-Kinder 1 ma jistax ikollha iktar minn 15-il tifel u tifla filwaqt li tal-Kinder 2 ma jistax ikunu iktar minn 19. Apparti dan f’kull klassi trid tinżamm id-distanza ta’ 1.5 metri bejn mejda u oħra. Ħafna jinsabu mħassba dwar il-fatt ta’ kemm l-iskejjel għandhom spazju biżżejjed biex tinżamm din id-distana bejn student u ieħor.

Bħala parti minn dawn il-linji gwida ġodda tħabbar li t-tfal mhux se jitħallew jieħdu affarijiet mhux essenzjali bħal ġugarelli filwaqt li l-ġenituri mhux se jitħallew jidħlu fl-iskejjel.

Tħabbar ukoll li mhux se jkun hemm outings tat-tfal u se jitwaqqfu wkoll avvenimenti bħal open days u concerts.

Punt ieħor jisħaq li l-ġugarelli u l-uċuh kollha tal-imwejjed għandhom ikunu mnaddfa kull darba li jintużaw, bit-tojlits u c-changingrooms iridu jiġu mnaddfa mill-inqas tliet darbiet kuljum.

Tfal minn tiet snin ‘il fuq iridu jilbsu maskra protettiva kull darba li joħorġu mill-klassi tagħhom kif ukoll fuq it-trasport tal-iskola iżda mhux neċessarju li din tintlibes fil-klassi. Min-naħa l-oħra l-edukaturi jridu jilbsu maskra l-ħin kollu.

Huwa essenzjali wkoll li fil-klassijiet jkun hemm ventilazzjoni tajba bit-twieqi għandhom jinżammu miftuħa matul il-ġurnata kollha. F’każ li tintuża l-arja kundizjonata, dawn għandhom jiġu mnaddfa sew u jintużaw skont il-linji gwida tas-saħħa pubblika.

Kull skola se jkollha persuna inkarigata apposta li se tieħu ħsieb li jkunu osservata l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni skont il-linji gwida mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.