Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ qtil involontarju ta’ għawwiem f’Ħondoq ir-Rummien

Matthew Grech ta’ 23 sena minn Nadur ma nstabx ħati ta’ qtil involontarju ta’ raġel Brittaniku meta huwa kien laqtu permezz ta’ skrun ta’ dinghy waqt li l-vittma kien qiegħed jgħum fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien ftit aktar minn erba’ snin ilu.

Mill-provi rriżulta li Grech ma kellux tort f’dan l-inċident fejn il-vittma kien qed jgħum ħafna l-barra mill-bajja u anke jogħodos mingħajr ma kellu xi sinjali li kien qed jgħum fl-inħawi minn fejn jgħaddu ħafna opri tal-baħar.

L-inċident seħħ il-Ħadd, 19 ta’ Ġunju 2016, għall-ħabta ta’ 12:20pm. meta kien daħal rapport l-Għassa tar-Rabat, mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex illi raġel ta’ 64  sena kien iddaħħal l-isptar bl-ambulanza u miet wara li ntlaqat b’dgħajsa waqt li kien qiegħed jgħum.

Il-vittma kien Allan Michael Stanley, raġel ta’ 64 sena minn Wales u residenti l-Qala, Għawdex.  Il-każ kien ġie investigat mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri mid-Distrett ta’ Għawdex.    

Stanley tilef hajtu riżultat tal-fatt li huwa ntlaqat minn skrun ta’ dinghy li kien qiegħed jiġi manuvrat minn Matthew Grech. Ma kienx kontestat li kien Grech li mmanuvra d-dinghy fil-mument li seħħ l-inċident.

Xhud importanti f’dan il-każ kienet Diane Georgina Stanley, mart il-vittma, li  spjegat kif  filgħodu kienet marret ma’ żewgha fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Qalet illi kien normali li żewġha jmur jgħum fuq in-naħa tax-xellug tal-bajja, qrib il-blat. Dan kien jagħmlu minkejja li kienet ta’ sikwit issostni miegħu illi m’għandux jitbiegħed daqshekk mill-bajja peress illi jbati b’kundizzjonijiet tal-qalb u minħabba li hija barra mis-‘swimming zone’.

Mart il-vittma qalet li dakinhar kien ħareġ jgħum saħansitra aktar ’il barra mis-soltu, qrib dinghy misjuqa minn Matthew Grech, li hija kellha konoxxenza tiegħu.

Keith Raymond Brown, ħabib ta’ Diane u Allan Stanley, spjega illi dakinhar tal-inċident hu kien qiegħed magħhom Ħondoq. Huwa ikkonferma dak li qalet mart il-vittma dwar fejn kien qiegħed jgħum il-vittma, iżda qal illi ma kellux impressjoni li l-vittma kien joħrog ’il barra daqstant

Huwa xehed illi Diane kienet ta’ sikwit tgħid lill-vittma biex ma joħrogx daqshekk ’il barra, u li l-vittma kien imur xorta, saħansitra anke mingħajr ‘marker buoys’.

Christa Marianne Katzensteiner, persuna li kienet qiegħda Ħondoq ir-Rummien fil-ħin tal-inċident xehdet illi rat lill-vittma jilbes il-maskla u jinżel jgħum, mingħajr ‘signalling buoys’ jew ‘wet suit’. Hija qalet ukoll illi sakemm kien fil-baħar, il-vittma ma kienx qiegħed iżomm fil-wiċċ, iżda kien qed jgħodos.  

Christiaan Michiel Vermaak, li, dakinhar tal-inċident, bejn il-11.30am u n-12.30pm. kien għaddej mill-bajja ta’ Ħondoq fi triqtu mill-Imġarr lejn il-Qala bil-‘kayak’ ma’ grupp ta’ klijenti tiegħu spjega li huma u għaddejjin lemħu raġel anzjan jogħdos, xi 100 metru ’l boghod mill-pjattaforma tal-konkrit, xi 30 metru mill-eqreb xtajta.

Ix-xhud qal li l-baħar kien ftit imqalleb u li l-anzjan ma kellux ‘signaling buoy’. Stqarr illi hu u l-klijenti tiegħu bil-kemm rawh, u meta lill-anzjan għamillu sinjal b’idu u qallu li ma kienx rah, l-anzjan qal xi ħaġa li x-xhud ma fehemx, u baqa’ jgħum fid-direzzjoni lejn Ħondoq.

Sadanittant Matthew Grech lanqas ma nstab ħati li gideb taħt ġurament fl-inkjesta bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud tgħid li ma nġabet l-ebda prova dwar u għaldaqstant huwa ġie lliberat mill-akkuża kollha miġjubin kontrih.  Għal Grech deheru l-Avukati Joe Giglio u Richard Sladden.