Lokali

“Nimxu ‘l quddiem b’determinazzjoni” – Adrian Delia

“Irridu nibnu fuq li għamilna, nkomplu nsostnu fejn għamilna t-tajjeb imma fejn hemm il-ħażin irridu narfuh, inwarbuh u nimxu ‘l quddiem b’determinazzjoni illi iva jekk ikollna Partit Nazzjonalista maqgħud kapaċi nagħtu sfida denja lil dan il-Gvern.” – Hekk stqarr Adrian Delia waqt intervista fuq Net FM f’wieħed mill-programmi li qed jixxandru fuq Net Television u Net FM bit-tema ‘Elezzjoni Kap 2020.’

Adrian Delia iddikjara li hemm kandidati lesti u ppreparati li bihom il-Partit Nazzjonalista se juri li għandu uċuħ ġodda u se joffru għażla għall-votanti fl-elezzjoni li jmiss. Hu saħaq li dawn il-kandidati se jkunu hemmek biex jaqdu u biex iservu.

Il-Kap tal-PN qal li irid ikun hemm deċiżjonijiet iebsin fejn “narfu li hemm min qiegħed hemmek biex ifixxkel u mhux biex jgħin. Min ma jridx jaħdem għall-partit u għall-pajjiż ma nistgħux inħalluh jibqa’ jfixxkel.”

Hu saħaq li hemm programm ta’ ħames snin li rridu nibqgħu nibnu fuqu. Fost l-oħrajn semma l-finanzi tal-partit li jridu jibqgħu jissudaw fuq dak li diġa beda jinbena. Apparti dan, fakkar kif il-PN biddel l-istatus wara 45 sena. Adrian Delia saħaq li l-akbar bidla li ġab fil-partit kienet fl-atitudni, l-umiltà li tkun man-nies biex isservihom u biex taqdihom.

Mistoqsi dwar l-islogan tiegħu ‘Għaqda u Lealtà’, Adrian Delia saħaq li l-għaqda hi lealtà u ma jista’ qatt ikollok team rebbieħ meta jkun hemm tradiment fuq il-kap tiegħu stess. Hu stqarr li “irridu naħdmu flimkien u nkunu leali lejn xulxin biex il-politka tas-sewwa li jemmen fiha l-Partit Nazzjonalista tirnexxi.”

Meta mistqosi fuq ir-rapport ta’ due dilligence Adrian Delia fakkar li kien hu stess li biddel l-istatut biex dan l-eżerċizzju jibda jsir biex il-partit verament ikollu persuni denji għall-pożizzjoni tagħhom u li verament ikunu hemm għan-nies. Hu saħaq li dan se jsir fuq il-kandidati kollha u jispera li l-Gvern jibda jagħmel l-istess.

Adrian Delia qal li se jgħeleb l-attaki fil-konfront tiegħu bit-tarka tal-verità għaliex jemmen li s-sewwa jirbaħ. Hu stqarr li se jkompli jkun miftuħ għal kull tip ta’ skrutinju għaliex dik hi l-politka li ttik is-saħħa. Dan iwassal biex noffru għajnuna lil dawk meqjusa żgħar fis-soċjetà biex anke huma jkollhom id-dinjità li jixirqilhom. Hu wiegħed li se jibqa’ jaħdem biex juri li flimkien nistgħu naslu waqt li nkunu kapaċi nirrispettaw lin-nies biex verament ikun hemm l-għaqda.