Lokali

Pieter Omtzigt jappella biex l-Avukat Ġenerali tirranġa n-nuqqasijiet li saru

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, Pieter Omtzigt f’messaġġ fuq Twitter tenna li kiteb ittra biex l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg tirranġa n-nuqqasijiet u l-iżbalji li saru qabel.

Huwa ppubblika dak li kiteb lill-Avukat Ġenerali wara li hi kkonfermat li għalissa mhux se tagħti kopja tal-inkjesta li saret lil Simon Busuttil… Liema inkjesta saret dwar l-allegat tixħim bejn Keith Schembri u Brian Tonna ta’ Nexia BT – skandlu li dwaru kien hemm ukoll investigazzjoni serjissima mill-FIAU…  investigazzjoni li allegatament baqgħet fuq l-ixkaffa.

Din l-inkjesta ntalbet minn Simon Busuttil f’April tal-2017 wara li kien irċieva siltiet minn rapport tal-FIAU li indikaw li kien hemm żewġ transazzjonijiet ta’ €50,000 minn Schembri lil Tonna lura fl-2015.

Fl-ittra tiegħu huwa qal li l-ġustizzja f’Malta qed tqajjem ċertu tħassib fix-xena internazzjonali speċjalment minn meta seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia wara li kixfet numru ta’ skandli u korruzzjoni li kienu qed isiru minn numru ta’ nies involuti fit-tmexxija ta’ pajjiżna.

Huwa qal li istituzzjonijiet kbar Ewropej inkluż l-Assemblea Ewropea u persuni oħra fil-Kunsill Ewropew esprimew it-tħassib tagħhom permezz tal-Kummissjoni Venezja, fil-Moneyval u l-Greco fejn kollha kkumentaw dwar is-sitwazzjoni allarmanti f’pajjiżna fil-qasam tal-ġustizzja.

Omtzigt qal li l-assassinju ta’ ġurnalista kien mhux biss attakk fuq il-persuna, iżda wkoll attakk fuq il-professjoni u l-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija. Huwa insista li dawn l-affarjiet ma jistgħux ma jingħatawx attenzjoni u dawk li wettqu jew kellhom x’jaqsmu mar-reat ma jkunux ikastigati. Jittama li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jagħti prijorità assoluta lil dan il-każ.

Il-Membru Parlamentari Ewropew għalaq fost l-oħrajn billi qal li qed jistenna biex il-Gvern jimplimenta minnufih u f’qasir żmien ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Huwa qal li tkun tassew saret bidla jekk titwettaq ġustizzja fil-konfront ta’ dawk kollha li kienu involuti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jekk titneħħa l-impunità fil-konfront ta’ dawk li wettqu l-aktar skandli korrotti li ħakmu lil Malta fl-aħħar snin.