Lokali

Il-PN jikkundanna attakki kkordinati fuq il-ġurnalisti ta’ NET News

Il-Partit Nazzjonalista jinnota attakki li saru fil-mezzi soċjali fuq il-kamra tal-aħbarijiet ta’ NET News, il-Kap tal-Aħbarijiet u l-ġurnalisti tal-Media.link.

Stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Francis Zammit Dimech, qalet li l-ġurnalisti ta’ NET News kollha kemm huma dejjem qdew l-irwol prinċipali tagħhom, li huwa dak li jinfurmaw lill-pubbliku bil-ġrajjiet kurrenti fosthom dawk ewlenin u biex iwasslu l-vuċi sħiħa tal-Partit Nazzjonalista nnifsu u għaldaqstant dawn l-attakki kkordinati onlajn ġejjin minn fejn ġejjin huma totalment inġusti u kundannabbli. Il-ġurnalisti ta’ NET News huma professjonisti ta’ integrita’ li dejjem qdew dmirijiethom bl-aħjar mod.

L-istqarrija temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista filwaqt li juri solidarjeta’ sħiħa mal-ġurnalisti ta’ NET News u l-ħaddiema kollha ta’ Media.link, jisħaq li jemmen fil-ġurnaliżmu u fil-liberta’ tal-istampa, u li din taqdi d-dmirijiet tagħha bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija mingħajr biża u indħil. Dan fl-aqwa interess tal-verita’, d-demokrazija u tal-poplu.