Ekonomija Kummerċ Lokali

Tikber l-inċertezza għas-self employed għax il-Gvern Laburista qed jitlef il-kontroll

Għadd kbir ta’ self employed f’diversi setturi tan-negozji qegħdin jikkummentaw kif qegħdin jaraw il-bejgħ tagħhom jonqos għal kollox, kif ukoll tnaqqis drastiku fl-ordnijiet li jirċievu. Dan minħabba tnaqqis li qegħdin jesperjenza f’dawn l-aħħar ġranet. Is-self employed qegħdin jikkummentaw kif il-Gvern Laburista tilef il-kontroll fuq il-mod kif qed jindirizza dan iż-żmien ta’ pandemija tal-COVID-19, tant li dan in-nuqqas ta’ pjan fit-tul qed iwassal biex tibqa’ tiżdied l-inċertezza fis-suq.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo ntqal li kawża ta’ din l-inċertezza, li se tkompli tikber iktar ma jaslu l-ġranet li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel, pajjiżna qed jesperjenza riċessjoni u s-self employed qegħdin f’sitwazzjoni fejn ma jistgħux jippjanaw sew in-negozju tagħhom. Quddiem dan kollu l-Gvern Laburista jinsab bla pjan konkret biex jgħin lil kull min qed ibati biex jaffaċċja dan iż-żmien diffiċli. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem, jifhem u jsegwi mill-qrib lis-self employed u l-familji tagħhom u jkompli jressaq proposti biex joffri tama għal min qiegħed jaqta’ qalbu.