Lokali Unjoni Ewropea

Żvilupp importanti marbut ma’ 17 Black: fl-aħħar, l-awtoritajiet Maltin jissottomettu applikazzjoni kompluta lill-UAE

“Dan hu pass kruċjali li nkunu eqreb biex nassiguraw li dawk kollha involuti fil-korruzzjoni li wasslet għall-qtil ta’ Daphne, jitressqu quddiem il-ġustizzja.” – l-MEP David Casa

F’April 2018, ġurnalisti investigattivi Maltin u internazzjonali kixfu r-rabta bejn il-kumpanija bażata fid-Dubaj 17 Black u l-kumpaniji tal-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Madanakollu, kien biss riċentement li l-awtoritajiet Maltin issottomettew applikazzjoni kompluta għall-informazzjoni lill-Emirati Għarab Magħquda. L-applikazzjoni kompluta tippermetti lill-awtoritajiet tal-UAE biex jgħaddu informazzjoni b’mod uffiċjali. Dan hu kruċjali biex jitressqu l-Qorti dawk involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus marbuta ma’ 17 Black.

L-MEP David Casa qal, “Ninsab infurmat li, sa fl-aħħar, l-Emirati Għarab Magħquda rċevew applikazzjoni kompluta mingħand l-awtoritajiet Maltin fl-24 ta’ Awwissu 2020. Hi tal-mistħija li għadda daqshekk żmien biex din l-applikazzjoni saret kif suppost. L-awtoritajiet Maltin messhom assiguraw li l-applikazzjoni korretta saret b’mod immedjat wara li nkixfu d-dettalji. Minflok, ntbagħtet applikazzjoni mhux kompluta, u ntqal li mhux qed isir progress minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni minn naħa ta’ Dubaj.”

David Casa ilu sentejn jaħdem biex jassigura li tingħadda l-informazzjoni mill-UAE. Casa għamel kuntatt mal-bank tad-Dubaj li kellu l-kont ta’ 17 Black, bagħat informazzjoni lill-Avukat Ġenerali u lill-Financial Intelligence Unit tal-UAE, u kellu laqgħat ma’ uffiċjali għolja tal-UAE biex jassigura li jkun hemm żviluppi f’dan ir-rigward.

F’Awwissu li għadda, David Casa xehed quddiem l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-MEP Casa informa lill-Bord li matul ix-xhur li għaddew, hu rċieva informazzjoni minn Dubaj li xxejjen id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjali għolja Maltin li l-awtoritajiet tal-UAE ma kienux qed jikkooperaw fl-investigazzjoni dwar 17 Black.

“L-applikazzjoni kompluta li għadha kif intbagħtet tqajjem dubji serji dwar jekk intqalitx il-verità fix-xhieda li ngħatat minn membri tal-Pulizija ta’ Malta. Għandha ssir investigazzjoni dwar x’wassal biex kien hemm daqshekk dewmien biex intbagħtet applikazzjoni kompluta.

Filwaqt li jien sodisfatt b’dan l-iżvilupp, jien ninkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-UAE biex jgħaddu l-informazzjoni mitluba kemm jista’ jkun malajr, u ninsisti li ladarba din l-informazzjoni tingħadda, l-awtoritajiet Maltin jagħmlu xogħolhom u jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jassiguraw li ma jkunx hemm aktar dewmien biex issir il-ġustizzja. Jien se nkompli nsegwi l-iżviluppi mill-viċin,” temm jgħid Casa.