Internazzjonali

Barbados jippjana għall-futur bħala repubblika

Il-gżira Stat ta’ Barbados, fir-reġjun tal-Karibew, stqarret l-intenzjoni tagħha biex tneħħi lir-Reġina Eliżabetta minn Kap ta’ Stat u tiddikjara ruħha Repubblika.

Barbados qed jaħseb biex jikkonkludi l-proċess f’Novembru tal-2021; proprju fil-55 anniversarju tal-indipendenza tal-gżira Stat mir-Renju Unit.

Il-Gvern ta’ Barbados qal li wasal iż-żmien biex iwarrab għall-passat kolonjalista waqt li l-Prim Ministru Mia Mottley sostniet li l-poplu irid Kap ta’ Stat imwieled f’Barbados.

Kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham f’Londra qalu, intant, li din hi kwistjoni għall-Gvern u l-poplu ta’ Barbados. Dan waqt li sorsi oħrajn spjegaw li l-idea ta’ Barbados bħala repubblika m’għandhiex titqies bħala berqa fil-bnazzi wara li kienet diskussa diversi drabi fil-pubbliku.