Lokali

COVID-19: Illum mistenni numru kbir ta’ każi ġodda

"Il-virus qed jinxtered fi djar tal-anzjani"

Tul il-jum tal-Erbgħa mistenni jitħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa numru kbir ta’ każi ġodda meta mqabbel maċ-ċifri mħabbra preċedentament fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew.

Fl-aħħar erbat’ijiem, s’issa tħabbru 207 każi ġodda, 355 fl-aħħar ġimgħa biss – numri li qed ifeġġu fl-isfond ta’ bidu ta’ sena akkademika ġdida li tinsab fuq l-għatba – bit-tħassib mhux biss tal-ġenituri iżda wkoll tal-edukaturi u l-qraba tagħhom. S’issa dawn il-persuni għadhom ma ngħatawx serħan il-moħħ u ftit jiem qabel mal-iskejjel jibdew jilqgħu lura lil uliedna… il-Ministru Owen Bonnici għadu mhux qiegħed joffri serħan il-moħħ u wisq inqas soluzzjoni.

Dawn in-numri waslu wkoll waqt li l-virus qed jinxtered ukoll fi djar tal-anzjani tagħna fejn persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li l-ġenituri u n-nanniet tagħna spiċċaw f’ħalq il-lupu minkejja tant sagrifiċċji li twettqu fl-ewwel ġimgħat tal-pandemija.

Minn informazzjoni li kiseb Net News jidher li t-taqsima tal-mard infettiv (IDU) fi ħdan l-Isptar Mater Dei tinsab mimlija bil-pazjenti pożittivi u għaldaqstant qed jiġi kkunsidrat li jinfetħu aktar swali dedikati għal kura kontra l-Covid-19.

Bosta tobba u esperti jinsabu perplessi dwar għal liema raġuni l-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma reġax sejjaħ għal Stat ta’ Emerġenza Medika bin-numri jinsabu ferm ogħla minn dawk li pajjiżna ħabbat wiċċu magħhom fl-ewwel xhur tas-sena.