Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Rekord ta’ 106 każi ġodda

Tul il-jum tal-Erbgħa sbaħna għal numri rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 fil-Gżejjer Maltin, b’106 każi ġodda fl-aħħar 24 siegħa – l-ogħla numru sa minn meta fis-7 ta’ Marzu din il-pandemija feġġett f’pajjiżna.

Filwaqt fiequ 22 persuna, dan ifisser li fl-aħħar 24 siegħa l-każi attivi żiedu b’84 għall-ammont ta’ 661 bil-każi totali minn Marzu ‘l hawn issa telgħu għal 2,764 , bl-ammont totali ta’ mfejqa huwa dak ta’ 1,953.

Dan kollu tħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa fejn ġie spjegat li mid-49 każ imħabbra ilbirah, 10 kienu qraba ta’ każi pożittivi, 5 każi infettati minn fuq il-post tax-xogħol, 2 oħra kuntatt dirett ma’ każi pożittivi, 3 każi oħra mid-Dar tal-Anzjani tal-Fgura u 15-il każ ieħor mid-Dar tal-Anzjani f’Ħal Balzan. Dan ifisser li 14-il każ qed jiġi meqjus bħala wieħed sporadiku.

Pajjiżna beda jħabbat wiċċu ma żieda qawwija fin-numri ta’ Covid-19 ftit wara li l-Gvern Laburista ddeċieda li jiftaħ l-ajruport u l-portijiet mingħajr ebda restrizzjonijiet effettivi bil-konsegwenza li l-virus għal darb’oħra reġa’ beda jinfirex b’mod predominanti wara tant sagrifiċċji mwettqa mill-frontliners u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, sagrifiċċji li kien qiegħed jagħti l-frott tiegħu li wassalna għal tminnt’ijiem sħaħ mingħajr ebda każ ġdid.

Madanakollu fl-aħħar tminnt’ijiem kellna xejn inqas minn 461 każ ġdid – hekk kif ninsabu f’nofs ix-xahar ta’ Settembru s’issa kellna 714 każ ġdid u 3 fatalitajiet, ċifri li esperti qed jiddeskrivu bħala inkwetanti meta wieħed jara diġà qbiżna nofs l-1,196 każ ġdid ta’ Awwissu u lħaqna l-istess ammont ta’ fatalitajiet.

Din iż-żieda rekord waslet hekk kif ninsabu fuq l-għatba ta’ sena akkademika ġdida, bil-ġenituri u l-għalliema mħassba dwar x’ser jiġri mill-iskejjel tagħna – bil-Ministru Owen Bonnici u l-bqija tal-Kabinett ta’ Robert Abela għadhom mhux qed joffru serħan il-moħħ, anzi l-Ministru jinsab rassenjat li ħa jfeġġu aktar każijiet.

Minn informazzjoni li kiseb Net News jidher li t-taqsima tal-mard infettiv (IDU) fi ħdan l-Isptar Mater Dei tinsab mimlija bil-pazjenti pożittivi u għaldaqstant qed jiġi kkunsidrat li jinfetħu aktar swali dedikati għal kura kontra l-Covid-19.

Bosta tobba u esperti jinsabu perplessi dwar għal liema raġuni l-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma reġax sejjaħ għal Stat ta’ Emerġenza Medika bin-numri jinsabu ferm ogħla minn dawk li pajjiżna ħabbat wiċċu magħhom fl-ewwel xhur tas-sena.