Kunsilli Lokali Lokali

“F’Marsalforn it-toroq jinsabu fi stat diżastruż”

“Toroq diżastru, ħofor ma’ kull triq li tgħaddi minnha.”

Din hija l-għajta tar-residenti u min jifrekwenta iż-żona Għawdxija ta’ Marsalforn fejn fuq post fuq il-midja soċjali ta’ Facebook il-Kunsillier Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, Daniel Cordina, spjega li filwaqt li qed jitwettaq xogħol minn fondi Ewropej wieħed ma jistax jibqa’ sieket bil-gravità ta’ stat li t-toroq ta’ dan il-post turistiku jinsabu fihom.

Huwa insista li Triq il-Qbajjar, triq li tieħdok sa quddiem l-ixtajta, hija mifnija bi problemi infrastrutturali fejn saħansitra ta’ kuljum qed inixxi d-drenaġġ, għad-detriment ta’ saħħet ir-residenti u mhux biss.

Apparti din it-triq, hemm bosta oħra deskritti mir-residenti bħala toroq li meta ssuq fihom, wieħed bħal donnu “qiegħed isuq fuq il-qamar”.

Daniel Cordina appella sabiex min huwa responsabbli minn dan kollu jxammar il-kmiem u jekk għadhom ma niżlux lejn Marsalforn biex jaraw f’liema stat jinsabu t-toroq, jagħmlu dan sabiex jaraw b’għajnejhom x’ikollhom jesperjenzaw ta’ kuljum ir-residenti.