Lokali

“Għadna ‘l bogħod milli ssir ġustizzja” – Repubblika

“Mhux aċċettabbli li dawk li jafu bil-ksur lampanti tal-liġi, bis-serq, bil-ħasil tal-flus u bil-qtil li sar biex jgħatti dan kollu, jibqgħu siekta jew jgħidu li m’għandhomx responsabbiltà. Minkejja dak kollu li rajna, nibqgħu skandalizzati kif Robert Abela u l-ministri tiegħu jibqgħu jaħslu jdejhom mill-ħtijiet kollettivi tagħhom.”

Hekk sostniet fi stqarrija l-għaqda Repubblika fejn spjegat li dawn in-nies huma l-aktar nies li taw appoġġ u sostnew lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u lil Chris Cardona.

Ġie spjegat li mingħajr l-appoġġ u s-sostenn ta’ Robert Abela u l-ministri tiegħu, il-gvern ma kienx jintrabat mal-Electrogas. Ma kienux jingħataw sussidji illegali biex jagħmlu l-qliegħ dawk li kienu qed jixtru lill-ministri. Ma kienux jorbtu pajjiż sħiħ b’kuntratt li ma kellniex bżonnu u li qed inħallsu b’kontijiet tad-dawl ogħla milli jmisshom ikunu.

Repubblika qalet li issa Robert Abela jrid iwaqqaf l-inkjesta indipendenti li qed tikxef ftit mill-ħafna li l-ministri tiegħu żammu mistur. Hija saħqet li Robert Abela jmexxi gvern magħmul minn persuni li jagħlqu ħalqhom, għajnejhom u widnejhom biex ma jaraw u jisimgħu xejn. U biex ma jgħidu xejn waqt li jaħtfu l-poter bis-saħħa tas-serq u l-qtil.

Fl-istqarrija Repubblika insisteit li dan kollu għal Robert Abela mhux biżżejjed. “Robert Abela jrid pajjiż ta’ xadini li jagħlqu għajnejhom, widnejhom u ħalqhom. Irid isikket l-inkjesta pubblika biex ħadd ma jkun jaf il-verità. Għax Robert Abela jaf li mingħajr verità ma jista qatt ikollna ġustizzja. U mingħajr ġustizzja ma jsir qatt ħaqq miegħu u ma’ sħabu li meta kienu jafu x’kienu qed jagħmlu Joseph Muscat u l-klikka tiegħu, dawwru wiċċhom ‘l hemm.”

Repubblika qalet, “Aħna m’aħniex se ndawwru wiċċna ‘l hemm. Ilna tlett snin fit-toroq ninsistu li ssir ġustizzja u mhux se naqtgħu qalbna issa għax Robert Abela xeba’ jisma’ bil-ħniżrijiet li wettaq il-gvern li hu appoġġja u kien parti minnu.”

Dan filwaqt li fakkret li llum infakkru 35 xahar minn meta nqatlet Daphne Caruana Galizia. Niftakru x-xogħol tagħha li kixef il-korruzzjoni li qed tiġi kkonfermata fil-qrati llum. Niftakru l-kuraġġ tagħha quddiem l-abbuż tal-poter mill-gvern li ma qata xejn sakemm inqatlet. 35 xahar ta’ kampanja biex tintraddilha u ‘l familtha ġustizzja. 35 xahar ta’ kampanja biex il-Maltin jikkonfrontaw il-verità dwar il-ħerba li wettaq il-gvern Laburista minn pajjiżhom. Infakkru 35 xahar ta’ kampanja biex mill-verità toħroġ il-ġustizzja u xi darba, nittamaw, il-fejqan ta’ pajjiżna. Għadna l-bogħod mill-għan tagħna. Imma x-xadini ta’ Kastilja mhux se jsikktuna.