Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Vjolenza ġdida wara l-iffirmar ta’ ftehim storiku

Il-qawwiet ta’ Iżrael  irritaljaw kontra l-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza wara li l-militanti sparaw ir-rokits mill-ġdid lejn it-territorji tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera. L-ewwel sparatura minn Gaza rriżultat fil-feriment ta’ żewġ irġiel fil-belt ta’ Ashdod, bil-militanti, imbagħad, jiftħu baraxx akbar ta’ rokits lejn l-artijiet Iżraeljani.

Il-militar ta’ Iżrael  ma damx biex iwieġeb għall-provokazzjoni, u fejn fetaħ bumbardament fuq is-siti ta’ Gaza li huma indikati bħala pożizzjonijiet tal-grupp Hamas, magħmul mill-militanti Iżlamiċi.

L-aħħar vjolenza bejn Iżrael u l-militanti f’Gaza żbruffat ftit wara ċerimonja fl-Istati Uniti fejn il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda u Bahrain ffirmaw ftehim storiku li jikkonferma n-normalizzazzjoni tar-relazzjonjiet bejn Iżrael u ż-żewġ Stati tal-Golf.

L-iffirmar sar possibbli wara proċess diplomatiku fit-tul sponsorjat mill-President Amerikan Donald Trump.

Benjamin Netanyahu qal li mhux sorpriż li l-militanti Palestinjani għażlu dan iż-żmien biex jibbumbardjaw lil Iżrael — u fejn tenna li ‘dawn iridu jagħmlu minn kollox biex ifixklu t-tentattivi għall-paċi fil-Lvant Nofsani’.