Lokali

Jissejħu aktar Pulizija u suldati f’Lyster Barracks ta’ Ħal Far

Sigurtà massima fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-immigranti

NET News huwa infurmat li aktar Pulizija tal-RIU u s-suldati tal-Forzi Armati kellhom jissejjħu f’Lyster Barracks, f’Ħal Far, biex jikkontrollaw r-rewwixti li għaddejjin f’dan iċ-ċentru magħluq, b’uħud mill-immigranti kellhom jittieħdu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi.

Jixhed dan huwa filmat li rċieva NET News ta’ għadd ta’ vetturi tal-RIU u trakkijiet tal-Forzi Armati bis-suldati abbord fi triqithom għal dan il-barracks fejn hemm l-immigranti biex jgħassu b’sigurtà massima.

Ilbieraħ, Net News kien infurmat ukoll b’rewwixta li kienet għaddejja f’Ħal Far li bdiet it-Tnejn mis-6 ta’ filgħaxija, b’ numru ta’ uffiċjali ta’ detenzjoni jesprimu l-preokkupazzjoni tagħhom għal dan għaliex evidenti kien it-tkissir u l-ħsarat li dawn ikkawżaw fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni.

Għalkemm mhux magħruf x’wassal għal dan, għaliex il-Gvern għadu ma lissinx kelma waħda, sorsi tagħna qalulna li numru ta’ immigranti bdew jappellaw għal-libertà.

Kelliem għall-Pulizija iżda kkonferma magħna li f’dawn l-aħħar jiem, xejn ma kienu pjaċevoli f’Ħal Far hekk kif il-Pulizija ssejjħet kemm-il darba biex tassisti u tikkontrolla r-rewwixti.