Lokali Qorti

Keith Schembri kien ħadem kontra Fearne biex ma jiġix elett

Keith Schembri kien ħadem kontra Chris Fearne biex dan ma jiġix elett bħala Deputat Kap tal-Partit Laburista. U wara r-relazzjoni bejn it-tnejn bdiet sejra lura.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-istess Viċi Prim Ministru Chris Fearne meta kompliet l-inkjesta dwar x’seta sar biex l-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jiġi evitat.

Fearne qal li ma qabel mal-mod kif l-irwol ta’ Chief of Staff evolva tul is-snin, peress li dan mhuwiex elett min-nies u minħabba l-poter kbir li għandha din il-pożizzjoni.

Sadanittant fuq Neville Gafà. Fearne qal li Konrad Mizzi kien tah xogħol fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Tenna li kif hu laħaq Ministru għas-Saħħa rċieva korrispondenza li Gafà kien involut b’xi mod fl-iskandlu tal-visas mediċi. B’hekk qal Fearne huwa kien temmlu l-impjieg tiegħu immedjatament.

Ikkonferma wkoll li Gafà ma kienx għadu qed jirrapporta lilu, u eventwalment kellu uffiċċju f’Kastilja imma Fearne ma jafx xi rwol kellu. Qal ukoll li meta staqsa lil Gafà biex jagħtih spjegazzjoni dwar ir-rabtiet tiegħu mal-Libja, Gafà rrifjuta, u kien għalhekk li waqqaflu l-impjieg.

Fearne sostna li qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech u qatt ma ra lil Karl Cini jew Brian Tonna f’Kastilja. Qal ukoll li kieku kellu jara lil Karl Cini, ma jaħsibx li jagħrfu.

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li hu ma jaqbilx ma’ billboards li kienu jitilgħu mill-Partit Laburista u anke programm fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista li kien jattakka lil Daphne Caruana Galizia, qal li huwa qatt ma qabel fuq din it-tip ta’ politika.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet dwar jekk Fearne jaħsibx li l-libertà tal-espressjoni kienet taħt theddida f’Malta qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ix-xhud qal li min qatilha huwa kriminal, u li jaħseb li l-għan ta’ dawk li qatluha kien li jagħtu twissija lill-ġurnalisti oħra biex joqogħdu attenti x’jiktbu u jippubblikaw.

Fuq domandi ta’ l-Avukat Jason Azzopardi, Fearne qal li qatt ma mar għall-ebda party organiżżat minn Yorgen Fenech u dwar elezzjoni bikrija li kienet għaddejja xnigħa dwarha, hu sar jaf meta sar jaf il-pubblika.

‘Dwar id-diskors li kien qed isir fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri dwar dak li ħareġ fuqhom minn Daphne Caruana Galizija u l-media, qal li kienu jitkellmu u anke saru laqgħat ‘one to one’ mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, fejn dan fuq Keith Schembri dejjem qal li hu ħatru u għalhekk hu responsabbli fuqu.

Fearne qal ukoll li huwa minnu li minkejja dak kollu li ħareġ fuq Konrad Mizzi, anke meta tneħħa minn Ministru tal-Enerġija, tas-Saħħa u Proġġetti u kien sar Ministru ta’ bla portafoll, xorta waħda l-proġetti kollha baqgħu taħt idejh. Ir-raġuni għal dan kienet għall-kontinwità u li huwa l-persuna li ‘he delivers’.

Fuq domanda oħra ta’ l-Avukat Jason Azzopardi, Fearne qal li qatt ma kkomunika ma’ Yorgen Fenech u ma kienx jaf li hu qrib ċerti nies fl-amministrazzjoni u fil-Gvern.

Huwa kkonferma wkoll li kien jikkomunika ma’ Keith Schembri u Joseph Muscat fuq WhatsApp, imma qatt ma kellhom konverżazzjoni bejniethom it-tlieta.

Ix-xhud spjega d-dettalji tekniċi tal-garanzija bankarja li ngħatat lil Vitals. Qal li wara li nbidel is-sid tal-Vitals, ġie konkluż li din ma kinitx qed tonora l-irwol tagħha. Fearne qal li dan kien inaċċettabbli.

Kompla jgħid li ftit ġranet wara rċieva ittra mingħand Vitals dwar garanzija bankarja. Dak iż-żmien hemm hemm negozjati bejn Konrad Mizzi u Steward Healthcare biex jaraw kif se jipproċedu. Saħaq li Vitals infurmatu li Mizzi kien irrinunzja d-€9 miljun fuq il-kuntratt tal-isptarijiet u li Konrad Mizzi ma infurmahx dwar dan.

Hawn l-Avukat Jason Azzopardi talab lix-xhud jikkonferma il-fatt li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat ittra dwar dan li kellha tibqa’ sigrieta. Il-Ministru Fearne ikkonferma dan kollu.

Fearne kompla jgħid li kull Ministru li xtaq jitkellem ma’ Joseph Muscat, seta’ jagħmel dan wara l-laqgħat tal-Kabinett li kienu u għadhom jsiru kull nhar ta’ Tlieta.

Mistoqsi mill-Bord jekk hu u Muscat qatt iddiskutewx l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li Joseph Muscat qallu li din kienet l-agħar ħaġa li setgħet ġrat lill-amministrazzjoni tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizija li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017, Fearne qal li ma jiftakarx li dan kien item fuq l-aġenda tal-kabinett, pero qal li kienu saru diskussjonijiet dwar dan.

Qal li għalih kienet ġrajja ta’ swied il-qalb u li dak inhar kien mar jitkellem fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista u qal li dan kien avveniment xokkanti u li kienet ħolma kerha. Tenna wkoll li kien ta wkoll xi kummenti lill-istazzjon BBC.

Tenna li wara dan l-avveniment kien hemm tibdil kbir u rreżenja l-Prim Ministru, Ministru, ieħor ġie sospiż. Hawn saħaq li r-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri ma kinitx waħda eċċellenti fejn dan ipprova jfixxlu u ħadem biex ma jiġix elett bħala Deputat Kap.

Fearne ikkonferma li bħala Deputat Prim Ministru qatt ma kien ikun ‘briefed’ mill-FIAU jew mill-Pulizija u qatt ma kien ikun mgħarraf dwar x’kien ikun qed jiġri. Qal li kien dejjem iħalli f’idejn l-istutizzjonijiet.

Qal ukoll fix-xhieda tiegħu li l-Prim Ministru Muscat kien informah li Mizzi ma kienx se jibqa’ Viċi Mexxej jew Ministru għas-saħħa. “Dwar Keith Schembri, il-Prim Ministru kien qallu li kellu fiduċja fih u kien se jiddeċiedi hu dwar id-destin tiegħu.

Muscat kien iltaqa’ mal-Ministri kollhja individwalment wara Panamagate. Id-diskussjoni kienet l-aktar fuq Konrad Mizzi. Keith Schembri ma kienx għad-diskussjoni”, sostna Fearne.

Fearne xehed ukoll li l-eks Ministru Konrad Mizzi ma kienx infurmah b’eżenzjoni li kien ta lil Steward Health Care biex ma tissottomettix garanzija bankarja għall-konċessjoni tal-isptarijiet.

Mizzi dak iż-żmien kien Ministru tat-Turiżmu iżda xorta kien responsabbli għal Projects Malta li kien immaniġġja l-ftehim tal-konċessjoni tal-isptarijiet.

Meta wieġeb mistoqsija mill-avukat Jason Azzopardi, id-Deputat Prim ministru ammetta li minkejja li kien ministru tas-saħħa, Mizzi ffirma r-rinunzja mingħajr ma nfurmah.

Fearne qal li n-negozjati ma’ Steward Health Care kienu għadhom għaddejjin. Id-deputat Prim Ministru ammetta li seta’ għamel aktar internament biex iżomm il-poter responsabbli.

Insista li ma kienx konxju li kien hemm ‘kitchen cabinet”, li oriġinarjament issemmew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna meta dawn xehdu fl-inkjesta.

L-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija inkarigata, fost affarijiet oħra, biex tiddetermina jekk l-Istat għamilx dak kollu li seta’ biex il-qtil ma jseħħx.

Caruana Galizia ġiet maqtula f’karozza bomba eżatt barra d-dar tal-Bidnija tagħha fis-16 ta ’Ottubru 2017. Tliet irġiel, George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat, ġew akkużati li wettqu l-assassinju, filwaqt li Yorgen Fenech huwa akkużat li huwa l-moħħ wara dan il-qtil.

Melvin Theuma, li aġixxa bħala intermedjarju bejn Fenech u t-tliet qattiela, ingħata maħfra presidenzjali s-sena li għaddiet biex tgħid kollox. L-inkjesta hija mmexxija mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, u tinkludi lill-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Is-seduta li jmiss se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.30am, meta huwa mistenni jixhed il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici.