Internazzjonali Unjoni Ewropea

“Il-ġimgħa d-dieħla jkun preżentat il-Patt dwar l-Immigrazzjoni” – Von der Leyen

“Irridu nfasslu l-ġenerazzjoni l-ġdida; id-dinja ta’ għada. Inneħħu l-iskużi u naħdmu flimkien. U fejn tidħol l-immigrazzjoni … trid issir ġlieda b’saħħitha kontra t-traffikar tal-persuni, għaliex l-immigrazzjoni hi problema tal-UE kollha.”

Kien dan il-messaġġ li wasslet il-President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, f’dak li jissejjaħ State of the Union – diskors li jsir kull sena u li jfassal il-ħidma għat-tnax-il xahar li ġejjin; fosthom dwar il-Patt tal-Immigrazzjoni li se jitħabbar il-ġimgħa d-dieħla.

Ursula Von der Leyen ħabbret li l-Kummissjoni se tkun qed tħejji għall-ewwel darba Rapport dwar ir-Rule of Law fil-pajjiżi membri kollha. Dan sabiex tiżgura governanza tajba.

Il-pjan tal-Kummissjoni qed jiffoka wkoll fuq in-negozji ż-żgħar, fuq il-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol, il-pagi u d-dinjità tal-bniedem, il-futur tas-sistema Shengen, ir-relazzjoni maċ-Ċina, ir-Russja u t-Turkija, il-miri ambjentali, l-investiment diġitali, u l-miljuni li se jiġu investiti għall-ġid taċ-ċittadini.

Matul dan id-diskors, Ursula Von der Leyen insistiet li wasal iż-żmien li titfassal Organizzazjoni Medika għall-UE kollha. Kien għalhekk li se jiġu allokati aktar fondi għal dan is-settur.

Von der Leyen qalet li l-popli Ewropej urew spirtu qawwi ta’ kuraġġ u determinazzjoni quddiem l-isfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija. Hi sellmet b’mod partikolari lill-frontliners kollha, u appellat biex fuq livell internazzjonali tinżamm kollaborazzjoni sħiħa ħalli malajr kemm jista’ jkun jinstab vaċċin.

Il-President tal-Kummissjoni qalet li n-nies iridu joħorġu mill-inċertezza tal-pandemija. U kien hawn illi Von der Leyen iddeskriviet dan iż-żmien bħala perijodu ta’ ansjetà għal kulħadd.

Iżda hi użat dan id-diskors biex twassal messaġġ ta’ kuraġġ, u insistiet li b’ħidma flimkien…il-pajjiżi ewropej jistgħu joħorġu aktar b’saħħithom minn din il-pandemija.

Intant, Von der Leyen ħabbret li s-sena d-dieħla se jitlaqqa’ Summit Dinji dwar is-Saħħa…liema summit se jsir fl-Italja.