Għawdex Knisja Lokali

L-Isqof il-ġdid t’Għawdex jagħmel l-Ingress tieghu fil-Katidral tal-Assunta

Is-16 ta’ Settembru – il-jum li fih jigi ccelaberat l-anniversarju tat-twaqqif tad-Djoċesi Għawdxija.

Kien propju f’dan il-jum illi l-Isqof Anton Teuma għamel l-Ingress Solenni tieghu fil-Katidral tal-Assunta, bhala l-Isqof il-gdid tad-Djocesi.

Dan wara li l-konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof kienet saret fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann il-Battista, fix-Xewkija, minħabba r-restrizzjonijiet b’rabta mal-COVID-19, biex issa l-Isqof il-ġdid għamel l-ingress fil-Katidral, fejn għandu l-katedra tiegħu.

L-Isqof Teuma ghamel l-Ingress tieghu waqt celebrazzjoni Ewkaristika u waqt l-ewwel omelija fuq il-katedra qal li t-tron li minn fuqu tkellem huwa frott tal-ħniena t’Alla lill-poplu tiegħu. Hu hawnhekk li n-Nisrani, bl-imħabba tiegħu lejn Alla, ipatti ta’ ħtijietu u l-Missier jagħti l-maħfra.

Huwa radd ħajr lill-Għawdxin kollha tal-merħba li tawh bħala Isqof tagħhom u sellem lill-predeċessur tiegħu, l-Isqof Mario Grech, filwaqt li awguralu fil-ħatra importanti li tieħu ħsieb il-komunjoni fil-Knisja Kattolika.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex kienet twaqqfet mill-Beatu Papa Piju IX fis-16 ta’ Settembru tal-1864. L-Għawdxin kien ilhom 66 sena jitolbu ħalli jkollhom Isqof tagħhom.

U f’dik is-sena, il-Papa ħatar lill-Arċipriet Mikiel-Franġisk Buttigieg bħala l-ewwel Isqof ta’ Għawdex, u ftit żmien wara, id-Djoċesi fetħet ukoll is-Seminarju tagħha.

Intant it-Tlieta, il-Papa Franġisku ħatar uffiċjalment lill-Isqof Emeritu t’Għawdex, Mario Grech, bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, aħbar li ġiet imxandra fil-Bullettin tas-Sala Stampa tal-Vatikan biex b’hekk tibda l-ħidma tiegħu f’uffiċċju tiegħu fil-Vatikan.