Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, talbet għas-sospensjoni tal-ftuħ tal-iskejjel kollha wara vot unanimu fil-Kunsill tal-union aktar kmieni dalgħodu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar tal-MUT, fid-dawl ta’ żieda allarmanti fil-każi attivi ta’ COVID-19.
Fost it-talbiet li għamlet, l-MUT saħħqet li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiċċertifikaw lill-iskejjel tal-Gvern u oħrajn mal-protokolli qabel ma jibdew jaċċettaw lill-istudenti.
Dan hekk fl-aħħar mill-aħħar, hija r-responsabbiltà ta’ min iħaddem lill-għalliema li jiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-istaff u l-istudenti, kompliet tgħid il-union, biex dawn kollha, flimkien mal-ġenituri, jserrħu moħħhom.
L-għalliema, permezz ta’ dina l-union, ilmentaw kif ħafna mill-miżuri li kienu se jittieħdu biex jimplimentaw il-protokolli ma kinux sodisfaċenti għalihom għaliex mhumiex prattiċi u ma jistgħux jiġu implimentati effettivament.
Il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa bdew jiġu ppubblikati fil-bidu ta’ Settembru iżda dawk għall-kindergarten kif ukoll tal-istituzzjonijiet post-sekondarji ħarġu lbieraħ biss u għalhekk għad baqa’ ħafna mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba.
L-MUT qalet li l-fatt li l-każi attivi llum telgħu b’86 għal 661 każ attiv, fosthom biż-żieda rekord ta’ 106 każi pożittivi f’ġurnata, dan se jkollu konsegwenzi diżastrużi jekk l-iskejjel jiftħu mill-ġdid.
Is-sitwazzjoni li qed jaffaċċja l-poplu hija fost l-agħar li kellna fil-pandemija, qalet il-union, u għamlitha ċara mal-Gvern li huwa responsabbli li jieħu l-miżuri neċessarji biex il-pandemija tiġi kkontrollata għaliex dan jaffettwa l-pjanijiet biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu.
L-MUT għaddiet il-proposti tagħha ukoll lill-awtoritajiet konċernati biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li hemm. Tenniet li l-għalliema jridu jirritornaw lura jgħallmu iżda mhux għad-detriment ta’ saħħithom, tal-istudenti u dawk ta’ madwarhom.
Jekk il-Gvern jinjora t-talbiet li qed tagħmel, il-union mhix teskludi li ddaħħal aktar miżuri.
//= $special ?>