Lokali Qorti

Multa ta’ kważi €12,000 għal sitt sewwieqa f’Għawdex

Rabat

Sitt sewwieqa ġew immultati kważi €12,000 mill-Qorti ta’ Għawdex. Dabn wara li fl-aħħar xhur, il-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku ta’ Għawdex wettqu rondi biex jinqabdu dawk li jkunu qegħdin jabbużaw waqt is-sewqan u fl-istess waqt ikunu protetti dawk li jkunu għaddejjin fl-istess toroq.

L-Erbgħa filgħodu, sitt persuni ġew immultati dan l-ammont waqt seduta tat-traffiku fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex wara li nstabu ħatja li saqu taħt l-effett tal-alkoħol.

Wieħed mill-persuni nstab ħati ukoll li ma kellux polza tal-assigurazzjoni, u kellu l-liċenzja tat-traffiku sospiża għal sena. Il-ħames persuni l-oħra kellhom l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sitt xhur.

Numru ta’ persuni oħra se jkunu akkużati fit-Tribunal dwar kontravenzjonijiet varji. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci mid-Distrett ta’ Għawdex.