Lokali

Nagħtu mill-ġdid pajjiż b’saħħtu u normali – Bernard Grech

L-għaqda hi meħtieġa, indispensabbli u possibbli. Hu obbligu tagħna li ningħaqdu għall-partit u għall-poplu, li hu għatxan għal oppożizzjoni b’saħħitha, serja u integra.

Kliem l-Avukat Bernard Grech, Kandidat għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista li saritlu fuq NET FM l-Erbgħa waranofsinhar, fejn sostna li għandu jiġi ppubblikat id-due diligence mwettaq mill-Kummissjoni tal-Kandidati. Hu talab lill-istess Kummissjoni għax irid iżomm mal-wegħda li għamel biex it-Tesserati jkollhom stampa ċara dwaru.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, Bernard Grech kompla li hu importanti li l-Prim Ministru Robert Abela ma jibqax jidħaq bin-nies. Qal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt ikun jaf l-istampa eżatta u kollha tas-sitwazzjoni preżenti fil-ġlieda kontra l-virus. Bernard Grech sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu l-obbligu li ma jkomplix jostor il-verità. Dan meta, konsegwenza tad-diskors tiegħu, is-sagrifiċċji li twettqu fl-aħħar xhur minn min tilef il-post tax-xogħol, in-negozju, minn min kien ilu ma jara n-neputijiet għal ġimgħat sħaħ u l-frontliners li ħadmu qatigħ għal pajjiż, se jkunu kollha għalxejn.

Insista li bħala pajjiż irridu niġbdu ħabel wieħed u nisimgħu mill-esperti tas-saħħa għax fi kliemu, mingħajr saħħa ma jkollniex ekonomija b’saħħitha, u mingħajr ekonomija ma jkollniex saħħa.

Bernard Grech appella wkoll għal aktar għarfien dwar is-saħħa mentali għax is-sitwazzjoni preżenti – anke fid-dawl tal-pandemija – u appella lil Gvern Laburista biex jagħmel l-investiment meħtieġ ħalli tiżdied aktar l-għajnuna.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid ikollu politika favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu, politika favur kulħadd mingħajr l-ebda distinzjoni. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu jkollu politika li jeżalta lil kull settur, u filwaqt li jixpruna liż-żgħażagħ, għandu jgħożż aktar minn qatt qabel l-anzjani li għad fadlilhom ħafna x’jikkontribwixxu fis-soċjetà. Kompla li l-poplu jrid Partit Nazzjonalista magħqud ħalli ikollna pajjiż mill-ġdid b’saħħtu u normali.

Mistoqsi dwar il-crowdfunding li twettqet favur il-kampanja elettorali tiegħu, Bernard Grech saħaq li kull ċenteżmu li mhux se jkunu qed jintefqu, mill-€50,050 miġbura, se jkunu qed jingħataw lill-Partit, b’kull ewro qed jiġi osservat minn Awditur indipendenti. Temm li ladarba t-Tesserati jogħġobhom jaħtruh bħala Kap, mhux se jkun qed jitkellem dwar korruzzjoni biss, għalkemm ma nistgħux ma nitkellmux dwarha ladarba hu obbligu bħala ċittadini li ma nibqgħux aljenati.