Internazzjonali

Għargħar katastrofiku wara l-Uragan Sally

Iz-zoni tan-nofsinar fl-Istati Uniti ġarrbu għargħar storiku u katastrofiku b’kaġun ta’ uragan imlaqqam Sally. Dan meta l-uragan qed javvanza lejn l-artijiet tal-grigal fost irwiefen konsistenti  ta’ 170 kilometru fis-siegħa.

L-akbar inċidenzi ta’ għargħar kienu rappurtati f’Tallahassee, fi Florida, u f’Mobile Bay fl-Istat ta’ Alabama.

Intant, l-awtoritajiet meteoroloġiċi wissew ukoll dwar spinta ġdida ta’ maltemp li qed iżżid il-periklu għall-ħajja — fost indikazzjonijiet li x-xmajjar qegħdin ifuru u jitilgħu l-art tul medda kbira ta’ territorju li twassal anki sal-Istat ta’ Georgia.

Uragan Sally hu wieħed biss fost numru ta’ maltempati kbar fl-Oċean Atlantiku. L-Istati ta’ Alabama, Florida u Mississippi issa ddikjaraw kollha stati ta’ emerġenza, bl-awtoritajiet f’Louisiana jwissu lir-residenti biex jieħdu kull prekawzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi.