Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

“Uliedna ma jistgħux jitilfu aktar tagħlim bl-inkompetenza tal-Gvern” – PN

“Illum, ftit ġranet bogħod mill-ftuħ tas-sena skolastika u sitt xhur wara l-bidu tal-pandemija, l-Gvern inqabad mhu preparat xejn bi pjan A biex jipprovdi fiżikament edukazzjoni fl-skejjel u l-anqas mhu ppreparat kif jixraq bi pjan B biex joffri edukazzjoni diċenti b’mod remot.

L-edukazzjoni ta’ uliedna u s-saħħa u s-sigurta’ tagħhom u tal-edukaturi tagħhom għandom ikunu prijorita’ assoluta ta’ pajjiżna. It-tfal tagħna ma jaffordjawx jitilfu aktar tagħlim tort tal-inkompetenza u n-nuqqas ta’preparazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.”

Saħaq dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, Clyde Puli, fi stqarrija l-Erbgħa waranofsinhar.

Id-deputat Nazzjonalista kompla jgħid li huwa ċar li l-iskejjel għadhom mhux ippreparati biex jiftħu fiżikament u min-naħa l-oħra mhux ċar xi preparazzjonijiet serji saru biex il-mudell ta’ tagħlim remot ikun wieħed aktar effettiv milli kien fix-xhur li għaddew.

Tant hu hekk, li kien biss fil-11 ta’ Settembru li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ sejħa biex l-edukaturi jagħmlu sillabi sħaħ irrekordjati għall-użu ta’ teleskola, liema sejħa messha ilha li ħarġet minn tal-anqas Mejju / Ġunju u mhux titħalla sa ftit ġranet qabel tibda l-iskola.

“It-tfal tagħna ma jaffordjawx jitilfu aktar tagħlim tort tal-inkompetenza u n-nuqqas ta’ ippjanar. Dwar dan tkellem ukoll l-eks Dekan tal-Fakulta tal-edukazzjoni li qal “I would worry if we were to start the new scholastic year just as we ended the last one, when the boat was kept afloat thanks to the professionalism and dedication of most educators in our schools.”

In-nuqqas ta’ kontroll fl-imxija tal-pandemija fl-aħħar ġimgħat u b’mod partikolari l-ammonti milħuqa llum flimkien man-nuqqas ta’ preparazzjoni adekwata tal-iskejjel u fil-ħin milll-Ministeru tal-Edukazzjoni, ġustament qajjmu tħassib kbir fost il-ġenituri u reazzjonijiet iebsin mill-unjins tal-għalliema.

Il-preprazzjoni tardiva wasslet lill-Malta Union of Teachers li magħha kienu qed isiru d-diskussjonijiet biex tgħid li “L-iskejjel mhumiex lesti li jiftħu u li s-soluzzjonijiet għadhom ‘il-bogħod” filwaqt li talbet ghas-sospensjoni tal-ftuh immedjat tal-iskejjel. Il-union l-ohra, l-Union of Professional Educators talbet biex ma’ jinfethux l-iskejjel fis-sitwazzjoni li l-imxija tal-pandemija mhix ikkontrollotta.

L-Oppożizzjoni, bħall-unjins u l-professjonisti tal-edukazzjoni ilha xhur tappella għal pjanijiet differenti għal xenarji differenti li jistgħu jinqalgħu minħabba l-imxija tal-pandemija. Pjanijiet u direzzjoni bbażati fuq qafas mogħti mill-UNICEF u suppost imlaħħma mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Sitt xhur wara, l-Gvern m’għadx għandu l-iskuża li kellu f’Marzu li għadda. L-Oppożizzjoni tagħmel referenza għall-pożizzjoni tagħha kkomunikata ġimgħat ilu fejn ingħad b’mod ċar li “Ejja nagħmlu minn kollox biex nerġgħu niftħu l-iskejjel tagħna imma mhux niftħu akkost ta’ kollox.”