Residenti tħallew għal riħhom, bil-Kunsill Lokali Laburista f’Santa Venera jintervjeni ftit li xejn, u Infrastructure Malta tgħid li t-triq se tkun lesta tliet xhur oħra, għalkemm ix-xogħol ilu wieqaf minn Santa Marija.
Din hija s-sitwazzjoni f’Santa Venera preċiżament fi Triq il-Brunżar, b’garaxxijiet jbatu l-konsegwenzi minħabba li toroq baqgħu mitluqa, wara li nqalgħu…. u fl-aħħar jiem kellna l-maltemp.
Residenti li tkellmu ma’ Net News qalulna li għamlu sigħat ineħħu l-ilma mill-proprjetà tagħhom, oħrajn ippruvaw jagħmlu minn kollox biex l-ilma ma jidħolx… akkost l-isforzi, xorta waħda batew il-konsegwenzi.
F’post fuq il-midja soċjali, il-Minority Leader tal-PN fil-Kunsill Lokali f’Santa Venera Darren Carabott qal li sfortunatament dan huwa dak li jiġri meta x-xogħol idum u t-toroq jitħallew nofs leħja.
Huwa qal li fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill, bl-appoġġ ta’ sħabu l-Kunsilliera Nazzjonalista, Courtney Farrugia u Joe Vella staqsa dwar il-proċess tax-xogħol f’din l-imsemmija triq. Fost l-oħrajn staqsa għaliex ix-xogħol kien jinsab wieqaf.
Net News jinsab infurmat ukoll li kien hemm xi inġenji li mhux jaħdmu u tħallew fit-triq.
Is-sena li għaddiet membri tal-PN fil-Kunsill ta’ Santa Venera preżentaw mozzjoni fir-rigward ta’ problema ta’ ilma li kkawżat ħsara kbira fi blokka appartamenti fi Triq il-Brunżar.
Huma bosta residenti li qed jistaqsu min se jkun qed jagħmel tajjeb għal ħsara li ġiet ikkawżata fid-djar tagħhom, minħabba n-negliġenza tal-awtoritajiet.
//= $special ?>