Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

COVID-19: “Tlifna dak kollu li konna ksibna b’tant sagrifiċċju” – Andrew Azzopardi

Kif ftaħna f’daqqa, is-sagrifiċji kollha li għamilna bħala Maltin marru l-baħar. Il-mossi politiċi u l-messaġġi li kienu għaddejin komplew rewħu biex is-sitwazzjoni tal-Covid teskala.

Hekk stqarr id-Dekan tal-Fakultà tas-Social Wellbeing fl-Università ta’ Malta l-Professur Andrew Azzopardi illi fi stqarrija esprima inkwiet serju għall-fatt li f’pajjiżna qed ikomplu jikbru l-każi ta’ Coronavirus. Hu fil-fatt appella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jindirizzaw malajr din is-sitwazzjoni.

Andrew Azzopardi elenka erba’ raġunijiet illi possibilment kienu fatturi li wasslu għas-sitwazzjoni xejn sabiħa li ninsabu fiha: il-fatt li l-Covid ma konniex qed inqisuh bħala virus fatali jew li jħalli effetti, l-iskuża li l-anzjani qed imutu għax kellhom “kundizzjonijiet oħra”, l-idea żbaljata li bħal donnu trid tagħżel bejn l-ekonomija u s-saħħa, u l-fatt li wieħed mhux jirrealizza l-mod kif qed jikbru n-numri bl-iskuża li ma rridux inkunu “negattivi”.

Il-Professur Azzopardi appella lill-Gvern biex ikun hemm azzjoni koordinata quddiem din is-sitwazzjoni li s-Supredentent tas-Saħħa innifisha sejħitilha “sitwazzjoni serja”.