Internazzjonali

Covid-19: Twissija dwar ‘is-sitwazzjoni serja’ fl-Ewropa

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed twissi li l-ammonti tal-każi tal-coronavirus li qegħdin ifeġġu, kull ġimgħa, fl-Ewropa qabżu l-infezzjonijiet irrappurtati fiż-żmien meta l-pandemija kienet laħqet ‘il-quċċata’ (fil-kontinent) f’Marzu u April li għadda.

Hans Kluge, id-Direttur tal-WHO inkarigat mill-impenji ta’ din l-Organizzazzjoni fl-Ewropa, qal li ċ-ċifri tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 għal Settembru ‘għandhom jiftħu waħda sew għajnejn il-Gvernijiet tal-Istati Ewropej’ – bl-ammont tal-każi fir-reġjun ilaħħaq mat-300,000 pazjent, matul il-ġimgħa li għaddiet.

Sadanittant, Kluge, li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, għamilha ċara li ‘l-popli tal-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjoni mill-aktar serja u li aktar, kulma jmur, qed tiżviluppa’.

Skont l-aħħar ċifri, hemm kważi 30 miljun każi konfermati tal-Covid-19 fid-dinja u li minnhom irriżultaw ‘il fuq minn 939,000 mewta fuq livell globali.

Dan meta l-Ingilterra għaddejja minn ‘spike’ ieħor ta’ infezzjonijiet, bil-Ministru tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, iħabbar sensiela ġdida ta’ restrizzjonijiet għall-ħajja soċjali fl-inħawi lejn il-grigal tal-pajjiż.

Il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet għal-laqgħat bejn membri ta’ ‘familji estiżi’, bil-ħwienet tax-xorb ( pubs) jingħataw direttivi biex jagħlqu aktar kmieni mis-soltu.

Fi żviluppi oħra, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump ħareġ bil-versjoni tiegħu dwar ‘il-futur tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 u r-rwol tal-maskri tal-wiċċ’.

Trump sostna li vaċċin effettiv għandu jkun lest għall-konsum ‘b’mod immedjat’ u li n-nies mhux se jkollhom jistennew ‘sa nofs is-sena d-dieħla’.

Il-President Amerikan, fl-istess ħin, ċaħad għall-kumment ta’ Robert Redfield, id-direttur tal-aġenzija Centres for Disease Control, li l-maskri tal-wiċċ ‘jistgħu jkunu aktar importanti minn vaċċin’ waqt din il-kriżi medika.