Lokali

Dubji serji mill-Kamra tal-Avukati dwar il-ħatra tal-Avukat Ġenerali

Il-Kamra tal-Avukati tinsab perplessa dwar il-ħatra tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u ma jistgħux jifhmu kif intgħażlet hi għal din il-kariga.

Dan intqal mill-President tal-Kamra tal-Avukati Louis de Gabriele f’intervista ma’ The Shift. Huwa qal li f’sentiment komuni minn numru sinifikanti tal-membri tal-Kamra, partikolament dawk li jaħdmu fil-qasam tal-liġi kriminali, esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-għażla ta’ Buttigieg.

Huwa qal li s-sena li għaddiet kien hemm tibdil istituzzjonali li rrizulta li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkun iddedikat biss għal prosekuzzjonijiet kriminali f’esperjenza sinifikanti f’dan il-qasam. Iżda min-naħa l-oħra l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg m’ għandhiex esperjenza biżżejjed fil-qasam tal-liġi kriminali u jidher li qatt ma ħadmet fih.

Il-Kamra tal-Avukati qalet li esperjenza f’dan il-qasam hija essenzjali ferm fil-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali.