Lokali

“Ejjew ningħaqdu flimkien b’lealtà” – Adrian Delia

“Ejjew ningħaqdu flimkien b’lealtà” – Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia meta kien intervistat fuq Net Television, fejn saħaq li  “issa hu l-mument li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li sar, imma issa hu l-mument li dawk li rreżistew, jiddeċiedu li jew se nimxu ‘l quddiem b’għaqda jew jingħataw spazzji lil dawk li verament iridu l-għaqda bbażata fuq lealtà lejn il-partit u lejn minn qed imexxi.”

Adrian Delia tkellem dwar il-pjan tiegħu għall-PN li beda appena sar kap tal-partit. Hu saħaq li l-program kien fuq 5 snin. L-ewwel sfida kienet il-qagħda finanzjarja tal-partit u fakkar kif issa d-dejn tranġa u hemm pjan biex jibda jsir qliegħ permezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-każini, fejn il-partit jista’ jagħmel qliegħ ta’ ‘l fuq minn kwart ta’ miljun fis-sena.

Dan iwassal biex il-partit ikollu dħul strutturat li bih isaħħaħ r-relazzjoni tiegħu mal-banek. Adrian Delia wiegħed li sas-sena d-dieħla l-partit se jkun finanzjarjament f’pożizzjoni tajba biex f’mument importanti ta’ kampanja elettorali jkun jista’ jikkumbatti biex jirbaħ.

Hu saħaq li sar ħafna xogħol u ħafna sagrifiċċji, iżda issa irridu nibnu fuq dak li hemm u inħarrsu ‘l quddiem biex ntejbu. Adrian Delia fakkar kif taħt it-tmexxija tiegħu wara 45 sena nbidel l-istatut li għamel spazju għal partecipazzjoni ta’ ucuh ġodda, rappreżentati li jifmhu l-politka u lesti jaqdu u jservu lill-partit u lill-pajjiż.

Mistoqsi kif se jikkonvinci l-elettorat li l-PN huwa għażla aħjar mill-PL, Adrian Delia stqarr li dan huwa “gvern assenti, mhu qiegħed imkien.” Hu saħaq li “filwaqt li l-Gvern qed iwaħħal f’kollox minbarra fih innifsu, il-PN impenjat permezz tad-djalogu li jipproponi s-soluzzjonijiet fis-setturi kollha biex il-poplu verament ikollu alternattiva.” Adrian Delia talab biex jingħata ċ-ċans ikompli dak li beda tliet snin ilu. Hu appella biex in-nies jagħmlu kuraġġ, għaliex illum għandu determinazzjoni ikbar li jibqa’ għaddej bil-bidla u jmur fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin, li il-politka għalihom tfisser kif se jgħixu ħajjithom aħjar. U dan jista’ jsir biss b’Partit Nazzjonalista li jaqdi u li jservi lin-nies.