Internazzjonali

Greċja: Il-pulizija jmexxu lill-immigranti lejn kamp ġdid f’Lesbos

Il-pulizija fuq il-gżira ta’ Lesbos qed imexxu eluf ta’ immigranti u refuġjati mill-kamp ta’ Moria – li kien inqered min-nirien xi ġranet ilu – lejn ‘belt tat-tined’ fil-viċin. Dan wara li tressqu akkużi kontra erba’ refuġjati Afgani li allegatament qabbdu n-nirien f’Moria u wasslu għal din l-emerġenza umana.

Intant, għexieren ta’ uffiċjali nisa għenu fit-trasferiment ta’ numru kbir ta’ nisa u tfal lejn il-kamp ta’ Kara Tepe li qed iservihom bħala akkommodazzjoni temporanja.

L-aħħar rapporti qalu li talanqas 1,800 immigrant u refuġjati kienu waslu diġà fil-kamp ta’ Kara Tepe. Madankollu, numru kbir ta’ dawn l-immigranti mhumiex kuntenti li se jkollhom jibqgħu fil-gżira ta’ Lesbos. Huma qed iġibu bħala ‘eżempju’ li l-kamp ta’ Moria kien iffullat iż-żejjed bin-nies waqt li nieqes mill-faċilitajiet sanitarji.

L-istess immigranti qed jittamaw li jmorru fi bnadi oħra tal-Ewropa, bil-Ġermanja tibqa’ id-destinazzjoni favorita ħafna refuġjati fil-Greċja.

‘Il fuq minn 12,000 kienu ħarbu min-nirien li qabdu fil-kamp ta’ Moria u l-parti kbira tagħhom spiċċaw jorqdu barra għal ġranet sħaħ – ġieli mingħajr ikel u ilma.

Intant, l-immigranti li qed jidħlu fil-kamp temporanju ta’ Kara Tepe qegħdin ikunu suġġetti għal testijiet li jindikaw jekk huma setgħux spiċċaw infettati bil-coronavirus. L-aħħar rapporti qalu li talanqas 60 instabu ‘pożittivi’, bl-awtoritajiet qed jagħmlu li jistgħu biex iżommu lill-infettati ‘il bogħod minn ħaddieħor. Dan fost miżuri oħra ‘li qed jissalvagwardaw is-saħħa pubblika’.