Lokali Mużika Sport

Il-PN iniedi uffiċjalment il-Kampanja Nazzjonali #sportforlife – lets beat obesity together

Il-mużika u l-isport jingħaqdu flimkien sabiex jitwassal messaġġ aktar b'saħħtu dwar il-valuri u l-benefiċċji tal-isport

“Nemmen bis-sħiħ li l-isport għandu l-ingredjenti kollha sabiex kull wieħed u waħda minna, hi x’inhi l-eta’ tagħna, jgħinna ngħixu ħajja aktar b’saħħitha kemm mil-lat fiżiku kif ukoll dak psikoloġiku. Irridu nifhmu u nfehmu lill-faxex kollha tas-soċjeta’ Maltija li l-isport għandu jkun inkluż fil-mod ta’ stil ta’ ħajja li aħna rridu ngħixu. Dan anke billi nsibu bilanċ u ninkludu xi forma ta’ attivita’ fiżika jew sportiva fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Għall-ġid ta’ saħħitna għandna naraw li l-isport isib postu wkoll flimkien max-xogħol u l-istudju”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar waqt it-tnedija tal-Kampanja Nazzjonali li qed imexxi ‘l quddiem il-Partit Nazzjonalista bit-tema #sportforlife – lets beat obesity together.

Robert Cutajar qal li din il-kampanja nazzjonali tikkumplimenta sew mal-kampanja #beactive li se tkun qed tniedi l-Unjoni Ewropea f’dawn il-jiem meta madwar l-Ewropa s tkun qed tiġi organizzata l-ġimgħa Ewropea ddedikata lill-isport. Huwa stqarr li huwa ta’ sodisfazzjon għalih u għall-Oppożizzjoni li s’issa f’din il-kampanja #sportforlife aċċettaw li jieħdu sehem aktar minn 20 assoċjazzjoni sportiva nazzjonali. Aktar minn 40 atleta ġejjin minn dixxiplini sportivi differenti flimkien ma’ numru ta’ personalitajiet oħra taw messaġġi favur il-valuri uniċi li joffri l-isport b’appelli lill-poplu Malti sabiex flimkien nifhmu l-importanza tal-attivita’ sportiva biex anke fost il-benefiċċji li joħorġu mill-isport inkunu qed nikkumbattu l-pjaga tal-obeżita’ li l-poplu tagħna huwa fost l-aktar popli fid-dinja b’piż żejjed u saħansitra ninsabu fuq quddiemnett bhala l-iktar pajjiż li fi ħdanu għandu persuni obeżi f’faxex ta’ etajiet varji fosthom dawk tat-tfal.

Robert Cutajar ta wkoll dettalji dwar inizjattiva oħra marbuta ma’ din il-kampanja #sportforlife – lets beat obesity together. Huwa spjega kif it-tema ewlenija fiż-żewġ konkorsi tal-Kanzunetta Indipendenza li se jiġu organizzati bejn il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru. Il-mużika u l-isport se jkunu qed jingħaqdu flimkien sabiex jitwassal messaġġ dejjem iktar b’saħħtu dwar l-importanza tal-isport u l-benefiċċji li dan joffri lil kull persuna. Filfatt l-40 kantant finalista fiż-żewġ konkorsi, kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti, se jkollhom abbinat mal-kartolina tagħhom dixxiplina sportiva differenti fejn flimkien ma’ atleti magħrufa se jkunu qed jipprattikaw sport u fl-istess waqt se jkunu qed jagħtu messaġġ favur il-valuri tal-isport b’aċċenn ukoll dwar stili ta’ ħajja sana kif ukoll b’appelli biex nikkumbattu bis-serjeta’ l-obeżita’ f’pajjiżna. Dawn il-messaġġi se jkunu qed jintwerew għall-ewwel darba waqt iż-żewġ serati live tal-konkorsi Kanzunetta Indipendenza fuq NET Television, il-Ġimgħa u s-Sibt fid-8:45pm.

Din il-Kampanja Nazzjonali se tkompli għaddejja anke fil-jiem u x-xhur li ġejjin fejn aktar assoċjazzjonijiet sportivi u atleti fi ħdanhom se jkomplu jingħaqdu f’din l-inizjattiva billi jkomplu jgħaddu aktar messaġġi sabiex filwaqt li tkompli tixxettel dejjem aktar kultura sportiva f’pajjiżna u fl-istess waqt ikomplu jħeġġu lill-poplu Malti u Għawdxi dwar il-ġid li wieħed jista’ jibbenefika meta b’mod regolari f’ħajjitna ninkludi ftit minuti kuljum ta’ sport jew eżerċizzju fiżiku.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll iċ-Chairman ta’ Tim Sport PN Robbie Ebejer u s-Segretarja Ġenerali ta’ Tim Sport PN Paula Briffa li tkellmu u taw dettalji dwar numru ta’ inizjattivi li din il-fergħa se tkun qed tieħu fil-jiem li ġejjin b’rabta anke mal-ġimgħa Ewropea ddedikata lill-isport kif ukoll biex jiġi mfakkar il-56 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza. Fost l-attivitajiet sportivi li se jiġu organizzati fil-jiem li ġejjin se jkun hemm tornew tal-waterpolo għall-plejers veterani, kompetizzjoni tal-isparar fis-shooting ranges tal-Bidnija u f’Ta’ Kandja kif ukoll tornew tat-table football.

L-assoċjazzjonijiet li s’issa ingħaqdu f’din il-Kampanja Nazzjonali #sportforlife – lets beat obesity together huma: Aquatic Sports Association of Malta, Għaqda Regatta Nazzjonali, Malta Amateur Athletic Associations, Hockey Association of Malta, Malta Baseball and Softball Association, Malta Basketball Association, Malta Cricket Association, Malta Gymnastics Federation, Malta Handball Association, Malta Judo Federation & A.D, Malta Netball Association, Malta Rugby Football Union, Vikings Sailing Club, Malta Football Association, Malta Shooting Sport Federation, Malta Squash, Malta Cycling Federation, Malta Tennis Federation, Malta Tenpin Bowling Association u Badminton Malta. Assoċjazzjonijiet sportivi oħrajn se jkun qegħdin jissieħbu f’din il-kampanja nazzjonali matul il-jiem li ġejjin.