Lokali

“Is-saċerdot Karkariż maħbub minn kulħadd”

Tislima lill-Kanonku Dun Vinċenz Demicoli – is-saċerdot Karkariż maħbub minn kulħadd. Dejjem man-nies, imdawwar bil-ħbieb, fil-ferħ u fin-niket. Ħabb lill-koppji li minn jaf kemm minnhom għaqqad fis-sagrament taż-Żwieġ.

Qalbu dejjem viċin l-emigranti kif ukoll il-morda. Saċerdot simpatiku b’ideat għal żminijietna …li dejjem ħeġġeġ nies biex jersqu lejn il-Knisja. Dejjem bit-tbissima fuq fommu, u b’dik ic-cajta li ma tonqosx.

Il-kor tat-tfal li mexxa fil-Bażilka ta’ Sant’ Elena baqa sinonimu miegħu. Il-futbol, l-għasafar u l-pjanti kienu l-passatempi favoriti tiegħu. Serva ta’ direttur spiritwali, viċi parokku u Kanonku tal-Kolleġġjata Elenjana, kappillan tal-Ibraġġ, San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara u San Girgor f’tas-Sliema.

Dun Vinċenz Demicoli, li ingħaqad mal-Mulej fl-14 ta’ Settembru, inghata l-ahhar tislima waqt quddiesa koncelebrata minn Monsinjur Arcisqof Charles J. Scicluna, Arċisqof Metropolita ta’ Malta, il-Vigarju, ir-Rev.mu Prepostu Arċipriet flimkien mal-Kapitlu Elenjan u kleru.

Kienu diversi karkariżi li esprimew id-dispjaċir u s-sogħba għat-telfa tal-Kananku Dun Vinċenz Demicoli.

Fost l-oħrajn spikka kumment partikolari li jgħid : “Dun Vinċenz kien uniku fl-istil u fil-metodu, bla wisq sforz, għax hekk kien magħġun, biex għal tant snin serva lil Alla f’mijiet kbar ta’ qlub u ta’ familji. “Non omnis moriar”, mhux kollox imut, għax il-ġid – anki fis-skiet – li żera’ u rawwem il-maħbub “Ċensu tagħna” jibqa’ għal dejjem! Grazzi tal-ħbiberija, grazzi ta’ kulma wettaqt… għad nerġgħu niltaqgħu Ħabib u nsibu wisq iktar x’nirrakkuntaw. Issa strieħ fis-sliem etern u Santa Liena tkompli tħaddnek mas-Salib li tul ħajtek ħabbejt u xandart!”

Preżenti għal din l-aħħar tislima kien hemm ukoll l-ogħla awtorijiet tal-pajjiż fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech.