Quddiem numri rekord ta’ każijiet ta’ Covid19 qatt reġistrata f’24 siegħa, u evidenza ċara li l-imxija tal-Covid mhux qed tiġi mrażżna, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tat-tfal li jattende skejjel tal-Istat temmen li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex tiġi kontrollata l-firxa tal-virus. Hu evidenti li l-miżuri li ttieħdu sa issa ma kinux effettivi biżżejjed.
Fid-dawl ta’ dan, l-MAPSSS tistaqsi jekk hux prematur li l-iskejjel jiftħu fit-30 ta’ Settembru u jekk il-protokolli maħruġa fit-2 ta’ Settembru hux meqjusa bħala effiċjenti biżżejjed biex iħarsu saħħet l-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel. MAPSSS tistaqsi wkoll jekk l-implementazzjoni tal-protokolli hux se tkun lesta sal-aħħar tax-xahar.
F’każ li s-sitwazzjoni preżenti twassal biex l-iskejjel jibdew joperaw skont xenarju 1 fit-30 ta’ Settembru, ċioè tagħlim onlajn, kull skola għandha tgħarraf lill-ġenituri liem pjattaforma diġitali se tintuża għal-lezzjonijiet onlajn sabiex il-ġenituri jilħqu jippreparaw irwieħhom.
Sistema li tesiġi li ġenituri li jaħdmu jibqgħu d-dar biex jassistu lill-uliedhom fit-tagħlim onlajn jeħtieġ li tiġi diskussa mal-Assoċjazzjonijiet ta’ Min Iħaddem sabiex ikun żgurat li l-ġenituri jingħataw l-opportunità ta’ telework fejn possibbli, u li ebda azzjoni dixxiplinarja ma tittieħed kontra ġenituri li ma jistgħux jagħmlu telework.
L-MAPSSS tisħaq li Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jiżgura li jilħaq b’mod effettiv lil dawk l-istudenti li “għebu” minn meta l-iskejjel ingħalqu f’Marzu. Għandu jkun żgurat li tfal żvantaġġjati, inkluż tfal ta’ familji bi dħul baxx u tfal immigranti fiċ-Ċentri Miftuħa, ikollhom aċċess għas-software, apparat u aċċess għall-internet sabiex jibbenefikaw minn edukazzjoni onlajn.
MAPSSS titlob ukoll lill-MEDE biex jiżgura li tfal ta’ frontliners u edukaturi jkunu pprovduti kura adegwata għat-tfal u l-organizzazzjoni neċessarja li tippermettilhom isegwu l-kurrikulu waqt li l-ġenituri tagħhom qegħdin l-iskola.
MAPSSS tistħaq ukoll li għandu jitwaqqaf b’mod immedjat il-Mental Healtcare Support Unit biex jindirizza l-inċertezza u l-anzjetà li qed iħossu l-istudenti.
Fl-aħħar nett MAPSSS ittenni li fid-dawl tal-inċertezzi preżenti, il-MEDE għandu jagħmilha ċara li l-introduzzzjoni mandatorja ta’ uniformijiet ġodda fi-KG1, u s-snin 1, 7 u 9 qed tiġi posposta. Minbarra l-fatt li xi ġenituri qed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji minħabba l-COVID, għandu jkun evitat li ġenituri jinġabru fi kju quddiem l-uniku stabbiliment li qed ibigħ l-uniformijiet b’mod speċjali meta ma nafux meta u jekk l-iskejjel hux se jiftħu.
//= $special ?>