Lokali

“Jekk ningħaqdu u niġġeddu nistgħu nirnexxu” – Bernard Grech

“Jekk ningħaqdu u niġġeddu nistgħu nirnexxu” – Hekk saħaq l-avukat Bernard Grech meta kien intervistat fuq Net Television fejn fakkar li l-politiku jrid jifhem li qiegħed hemm biex jagħti servizz. U qiegħed hemm biex jisma’, jifhem u jwettaq il-politka li tagħmel ġid lin-nies.

Bernard Grech qal li l-PN jrid jiġġedded fil-qasam tal-komunikazzjoni, fejn jibni u jsaħħaħ s-sistemi tiegħu filwaqt li jinvesti f’oħrajn ġodda.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn ta’ bidla fl-attitudni u jixtieq li jikkonvinċi lin-nies li l-PN hu team maqgħud, għaliex meta naħdmu flimkien naslu aktar. Hu saħaq li ser juża’ t-talenti u l-kapaċitajiet ta’ kull membru biex flimkien joħorġu ħiliet li jintużgħu għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż.

Bernard Grech fakkar fil-ġid li għamel il-PN tul is-snin u qal li għandna inkunu kburin li l-PN għamel ħafna ġid, “niftakkru u niftaħru li konna aħna li għamilna Malta indipendenti, dħalna fl-UE u dħalna fiż-żona ewro.” Hu stqarr li llum nirrikonoxxu li dawn kienu deċiżjonijiet neċessarji biex il-pajjiż seta’ jimxi ‘il quddiem. Grech insista li issa “rridu nħarssu ‘l quddiem u naraw x’nistgħu nagħmlu iktar, irridu nħarsu madwarna biex naraw dan il-pajjiz x’għandu bżonn.”

Mistqosi jekk għandux pjan immirat biex jaffaċċja elezzjoni ġenerali, Bernard Grech qal li għandu pjan biex mill-ewwel jibdew jiġu individwati kandidati ġodda li jixtiequ jipparteċipaw fil-politka u jikkontestaw elezzjoni ġenerali.  Hu saħaq li “hu mportanti li ndaħħlu demm gdid, pero rridu nifmhu li rridu nħeġġu lid-deputati preżenti biex anke huma jkomplu jagħmlu xogħol tajjeb, b’kuntatt akbar man-nies.”

Bernard Grech stqarr li nafu li f’dan il-pajjiż għandna sitwazzjoni dwar l-immigrazzjoni li rridu nindirizzaw head on, għaliex il-Gvern ma kellux pjan. Hu qal li PN immexxi minnu se jagħmel politka li se tindirizza din il-problema. Waqt din l-intervista Bernard Grech tkellem dwar l-involviment tan-nisa fil-politika u qal li għandna obbligu li nkomplu naħdmu biex il-mara timxi ‘l quddiem bil-ħila tagħha.