Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Jissokta t-tħassib dwar dak li se jiġri fl-iskejjel

In-nuqqas ta' informazzjoni qed issarraf f'inċertezza

Evidenti t-tħassib dwar il-ftuħ tal-iskejjel, bl-inċertezza tkompli tirrenja kemm fl-imħuħ tal-ġenituri u l-istudenti, u kif ukoll fost il-professjonisti. Dan hekk kif permezz ta’ post fuq Facebook tkellem ukoll Sandro Caruana, eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni.

Huwa staqsa fejn fost l-oħrajn jekk l-edukaturi u l-għalliema ingħatawx l-għodda biex ikunu jistgħu jgħallmu onlajn. Caruana qal li l-lezzjonijiet onlajn mhux ideali, iżda ċ-ċirkustanza hi li hi, u infatti għalhekk staqsa din id-domanda. Huwa appella wkoll biex dawk kollha konċernati jingħataw l-informazzjoni, u qiegħed issaqsi għax hu ma jinsabx infurmat x’se jkun qed jiġri.

Sandro Caruana qal li jinkwieta qed nibdew is-sena skolastika, bil-mod kif spiċċat l-aħħar waħda, meta is-sistema edukattiva baqgħet biss għaddejja grazzi għall-isforzi u l-professjonalità tal-għalliema.

Net News għamel kuntatt mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, fejn qalilna fost l-oħrajn li uliedna ma jistgħux jibqgħu jitilfu aktar mit-tagħlim tagħhom minħabba n-nuqqas u l-inkompetenza tal-Gvern.

“Illum, ftit ġranet bogħod mill-ftuħ tas-sena skolastika u sitt xhur wara l-bidu tal-pandemija, il-Gvern inqabad mhux preparat la bi pjan A biex jipprovdi fiżikament edukazzjoni fl-skejjel u l-anqas mhux preparat kif jixraq bi pjan B biex joffri edukazzjoni diċenti b’mod remot.”

“Uliedna ma jistgħux jitilfu aktar tagħlim bl-inkompetenza tal-Gvern” – PN