Coronavirus Ekonomija Lokali

L-MEA jipproponu tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Fid-dokument tal-qabel il-budget, l-Assoċjazzjoni Ta’ Min Iħaddem, l-MEA, prezentat numru ta’ prosposti li jinkludu s-sosten tal-impjiegi, stimolu għad-domanda domestika, pjan ekonomiku b’miri ambjentali u t-trasparenza fl-inċentivi.

Fil-proposti tagħha l-MEA talbet biex il-kontribuzzjonijiet tan-NI ghal dawk il-kumpaniji li spiccaw kwazi bla xoghol jiġu sospiżi u dan il-perjodu jiġi akkreditat lill-impjegati għall-eliġibbiltà tal-pensjoni.

L-assoċjazzjoni saħqet li l-Gvern għandu jniedi skema biex jissussidja kirjiet kummerċjali għal perjodu ta’ sitt xhur. Dan filwaqt li l-Iskema tat-Teleworking għandha tiġi estiża b’mod indefinit.

L-MEA saħqet li l-Gvern għandu jagħti għotjiet lil dawk il-persuni li qed jaħdmu mid-dar. Dan jgħin għal inqas traffiku u tniġġiż fit-toroq tal-pajjiż. Filwaqt li saret talba biex r-rati tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma fil-qasam kummerċjali jitnaqqsu.

Huma appellaw ukoll biex ic-Child Care Centre jkunu f’pożizzjoni li jakkomodaw l-istudenti kollha għaliex hafna ġenituri qed isibuha diffiċli biex jirritornaw għax-xogħol.

L-MEA talbet biex il-Gvern jintroduċi skemi ta’ taħriġ mill-ġdid u programmi ta’ appoġġ għall-impjiegi għal persuni li tilfu x-xoghol. Hawn proponew li r-rata tat-taxxa għall-kumpaniji titnaqqas għal 30% għal perjodu ta’ sena, ibbażat fuq il-profitti tal-2019.

Fost ħafna iktar proposti l-MEA talbet lil Gvern biex joħroġ skemi ta’ vouchers biex jintużaw esklussivament fil-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u tal-catering. L-assoċjazzjoni, talbet għal tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji Maltin u Għawdxin flimkien ma’ skema ta’ sussidju għall-kiri.