Internazzjonali

Libja: Sarraj se jirriżenja minn Kap tal-Gvern fi Tripli

Fayez al-Sarraj, li qed imexxi lill-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali ( fi Tripli), qiegħed jaħseb biex jirriżenja ‘fi żmien sitt ġimgħat’ bħala parti mill-impenji lejn ftehim għall-paċi fil-Libja. Dan meta l-pajjiż ilu snin mifni bil-kaos u l-vjolenza wara li krolla r-reġim ta’ Muammar Gaddafi fl-aħħar xhur tal-2011.

Sarraj għamilha ċara li lest li jħalli l-kariga ‘u jċedi postu għal uffiċjal eżekuttiv ġdid li għandu jkun determinat minn sensiela ta’ taħditiet fil-futur’.

Il-Gvern ta’ Sarraj – appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti – f’dawn ix-xhur kien involut f’konflitt qalil mal-amministrazzjoni rivali li għandha s-sede fil-Lvant tal-Libja u li tappoġġja lill-kap militari Libjan, Khalifa Haftar. L-offensiva mit-truppi ta’ Haftar kontra l-Gvern ta’ Sarraj kellha tisfuma, fl-aħħar ġimgħat, wara aktar minn sena ta’ ġlied fi Tripli u l-periferiji tagħha.

In-naħat rivali tal-Libja, fl-aħħar jiem, iltaqgħu għal taħditiet ta’ paċi. Dan wara l-aħbar dwar il-waqfien mill-ġlied, fost il-wiegħda għal elezzjonijiet fuq bażi nazzjonali. Intant, Sarraj qal li l-aħħar taħditiet fasslu l-proċess li jrid jiddetermina Kunsill Presidenzjali ġdid fil-Libja – minbarra l-ħatra tal-Kap tal-Gvern ġdid ‘li għandu jidħol għall-kariga b’mod paċifiku’.