Lokali

Libjan jitlef ħajtu f’inċident f’Għawdex

Żagħżugħ Libjan ta’ 28 sena residenti Żebbuġ, Għawdex, tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fin-Nadur, Għawdex.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa nieqes kwart fi Triq ir-Rabat.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħ impatt bejn mutur tat-tip Kentoya misjuq mir-raġel ta’ 28 sena u double decker tat-tip King Long misjuq minn raġel ta’ 61 sena residenti Santa Luċija.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura meħtieġa.

Sfortunatament, il-vittma tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Għawdex.