Coronavirus Lokali Saħħa

“Messaġġi inkonsistenti li taw impressjoni falza li l-Coronavirus kien għadda”

"Kien hemm persuni li mhux parti mis-settur tas-saħħa li bdew iwasslu l-messaġġ falz li s-sitwazzjoni tal-Covid tinsab kompletament taħt kontroll"

Kienu ħafna l-messaġġi inkonsistenti li jħawdu l-imħuħ li taw impessjoni falza li l-Covid-19 kien għadda. Hekk tennew numru ta’ esperti mediċi f’rapport bl-isem ta’ “Journal of Community Health“, rapport li fih ipparteċipaw is-Supridentent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Guaci kif ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan.

Fih ipparteċipaw ukoll iċ-Chief Operating Officer tal-isptar Mater Dei Steve Agius, Sarah Cuschieri mill-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta u kif ukoll l-awtur innifsu u l-pedjatra Victor Grech.

“Fi ftit jiem Malta inbiddlet minn gżira suċċess li kienet qed tikkontrolla għal Covid b’serjetà għal gżira b’rata għolja ta’ infezzjonijiet.”

Huma qalu li kien hemm persuni li mhux parti mis-settur tas-saħħa li bdew iwasslu l-messaġġ falz li s-sitwazzjoni tal-Covid tinsab kompletament taħt kontroll… li Malta tista’ tiftaħ għal kollox… li l-Covid għadda u li nistgħu nkomplu kollox normali, inkluż l-attivitajiet turistiċi u oħrajn li jkomplu bla limitazzjoni ta’ xejn.

Huma ma indikawx għal liema persuni barra mis-settur kienu qed iwasslu dawn il-messaġġi.

L-esperti qalu li fi ftit jiem Malta inbiddlet minn gżira suċċess li kienet qed tikkontrolla għal Covid b’serjetà għal gżira b’rata għolja ta’ infezzjonijiet.

Tajjeb li nsemmu li meta n-numri bdew mhux ħażin jiżdiedu, f’Awwissu li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li s-sitwazzjoni tal-Covid f’Malta hija taħt kontroll, bil-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia tħeġġeġ lit-turisti jiġu fostna, filwaqt li mal-BBC sostniet li Malta għandha l-“mekkaniżmi” neċċesarji bħala sigurtà għal kontra l-Covid.

Wara dawn l-istqarrijiet minn esponenti tal-Gvern Laburista, Malta kellha żieda allarmanti ta’ każijiet.

F’Lulju li għadda Malta għamlet jiem konsekuttivi mingħajr ebda każ ġdid. Madankollu, is-sitwazzjoni nbiddlet minn lejl għal nhar, wara numru ta’ avvenimenti li kienu qed isiru, u bin-nuqqas ta’ ħarsien tal-linji gwida li kien ħarġu mill-esperti tas-saħħa.